Trabbejt ma’ ħames aħwa f’dar antika, bil-mandra warajha. Fir-rebbiegħa kellna d-drawwa niżirgħu l-ward tax-xemx. Ma konniex nafu bi fjuri oħra, bħalma huma t-tulipani, dalji jew kriżantemi. Ward tax-xemx biss!
Darba niftakar mort fuq ommi u staqsejtha, “Ma, għaliex dejjem niżirgħu l-ward tax-xemx, u mhux fjuri oħrajn?”
Biex teħles minni, qaltli: “Għax dawk l-aħjar!”
Pront pront komplejt: “U għaliex insejħulhom il-ward tax-xemx?”
“Għax dejjem iduru lejn ix-xemx,” weġbitni.
Għal darb’oħra ffittajtha u staqsejtha: “U għaliex dejjem iduru lejn ix-xemx?”
“Issa jien naf!” nefħet ommi, eżasperata. “Għax il-Mulej hekk għamilhom!”
Kos, hux! Ladarba l-Mulej sawwarhom b’dal-mod, qajl qajl ifittxu jdawru wiċċhom lejn ix-xemx fid-dawra tagħha matul il-jum biex bħallikieku jitgħaxxqu biha!
Hekk ukoll dawk in-nies, mifdija mix-Xemx tal-Ġustizzja, Ġesù Kristu, iħarsu dejjem lejn il-glorja tas-Salvatur tagħhom. U hekk kif jitgħaxxqu bih, huma jitbiddlu bil-mod il-mod fl-immaġni tiegħu. Bħalma l-warda tax-xemx tixbah lix-xemx, il-Kristjani jsiru jixbhu lill-Mulej li fih isibu l-għaxqa tagħhom.
Int miżrugħ bħala warda tax-xemx fis-saltna tal-Messija? Qiegħed tgħix coram Deo – quddiem wiċċ il-Mulej? Qed issir tixbħu fl-imħabba u l-qdusija?
“Aħna lkoll, b’wiċċna mikxuf, naraw qisu f’mera l-glorja tas-Sid, qed inkunu ttrasformati fl-istess immaġni tiegħu, minn glorja għal glorja, bħalma mingħand is-Sid, l-Ispirtu” (2 Korintin 3:18).