Min Aħna
Qabel xejn aħna Nsara, dixxipli tal-Mulej Ġesù Kristu. Nemmnu fih b’qalbna kollha u rridu ngħixu għalih. Jgħidulna “Evanġeliċi” għax nibnu l-fidi tagħna fuq it-tagħlim tal-Iskrittura biss.
Aħna niltaqgħu bħala knisja biex inqimu ’l Alla u ngħinu lil xulxin fil-mixja tagħna. Nagħrfu wkoll il-knejjes Kristjani mxerrdin mal-erbat irjieħ tad-dinja. Għalkemm jissemmew b’ismijiet u laqmijiet diversi, u minkejja d-difetti tagħna lkoll, il-Kristjani huma lkoll aħwa u familja waħda għax għandna Missier wieħed, Mulej wieħed u Spirtu wieħed.
X’Nagħmlu
Fil-laqgħat tagħna nkantaw għanjiet u tifħir lill-Mulej, nitolbu flimkien, naqraw mill-Bibbja u nisimgħu l-Kelma t’Alla pritkata. Kull nhar ta’ Ħadd niċċelebraw l-Ikla tal-Mulej billi naqsmu bejnietna l-ħobż u l-inbid b’tifkira tas-sagrifiċċju ta’ Kristu għall-maħfra tad-dnubietna. Il-knisja tagħna hi ċkejkna iżda x-xirka bejnietna hi ħelwa tassew.
Għalina l-fidi Kristjana hi attitudni u impenn għall-ħajja kollha, mhux biss waqt li niltaqgħu l-knisja, imma wkoll meta nkun id-dar, fuq ix-xogħol u kullimkien. Irridu ngħixu konxji tal-preżenza t’Alla f’kull ħin u kullimkien.
Aħna nistinkaw biex inxandru l-Evanġelju, speċjalment fost il-Maltin u l-Għawdxin. Ma nistgħux ma naqsmux ma’ kulħadd il-Bxara t-Tajba li biha ksibna l-paċi m’Alla u l-ferħ li ma jitfissirx bil-kliem.
X’Nemmnu
Il-fidi u l-ħajja tagħna huma msejsa fuq l-Iskrittura Mqaddsa biss.
Fil-qosor, aħna nistqarru dawn il-veritajiet:
- L-ispirazzjoni, l-awtorità suprema, u s-suffiċċjenza tal-Iskrittura Mqaddsa, il-Kelma t’Alla.
- Ġesù Kristu, l-Iben waħdieni u etern t’Alla, natura waħda mal-Missier, li bih sar kollox, għas-salvazzjoni tagħna sar bniedem u twieled mill-verġni Marija.
- Ġesù miet għal dnubietna fuq is-salib, qam mill-mewt, u tela’ s-sema fejn qiegħed jidħol għalina u jsaltan fil-glorja.
- Is-salvazzjoni hi grazzja b’xejn t’Alla; nirċevuha permezz tal-fidi fi Kristu, u mhux bil-merti tal-opri tagħna.
- Alla sejħilna għall-qdusija, imħabba, ġustizzja u opri tajba, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina.
- Il-Mulej Ġesù se jerga’ jiġi bis-setgħa u l-glorja; iqajjem il-mejtin kollha; jikkundanna l-ħżiena għall-kastig ta’ dejjem; jippremja lill-ġusti u jdaħħalhom fl-hena tiegħu għal dejjem.