Il-laqgħa ta’ qima tal-Ħadd hi l-quċċata tal-ġimgħa. L-aktar ħaġa sinifikanti li tista’ tagħmel matul ħajtek u fl-eternità hi din: li tiġi quddiem Alla ħaj u veru mal-poplu tiegħu biex tadurah u tirċievi mingħandu l-barkiet tal-grazzja tiegħu. Għalhekk konna msejħin: “Intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu miksub; biex ixxandru t-tifhir ta’ dak li sejħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb” (1 Pietru 2:9).
Għalhekk ipprepara ruħek sewwa matul il-ġimgħa. Jekk tgħaddi ġimgħa sħiħa prattikament tgħix bħal ateist (għax tant inti mħabbat li m’għandek ebda ħin jew spazju għall-Mulej, it-talb u l-Iskrittura), allura qajla se jkollok il-ħeġġa biex il-Ħadd troddlu ħajr u tagħtih qima.
Imxi qrib mal-Mulej matul il-ġimgħa kollha. Jekk għandek xi tgħid ma ħuk, mur u fittex ir-rikonċiljazzjoni miegħu. L-istess fid-dar, ġib rispett lil martek/żewġek, altrimenti t-talb tiegħek ikun imfixkel.
Aħseb mis-Sibt filgħaxija: idħol orqod f’ħin tajjeb. Filgħodu qum kmieni biżżejjed sabiex tipprepara lilek u lill-familja mingħajr ġenn u tġeġwiġija.
Fid-dar aqra u mmedita fuq l-iskritturi li jkunu se jinqraw fil-knisja. Itlob ’l Alla jippreparalek qalbek, stqarr dnubietek, itlob għall-predikatur biex jitkellem kif imiss, għall-edifikazzjoni tal-aħwa, u sabiex Alla jilqa’ l-qima tagħna.
Kun fil-ħin (daqs 10 minuti qabel) biex tilħaq tissettilja bil-kwiet. Tajjeb li ssellem lill-aħwa, imma ddumx ma tinġabar fis-skiet fil-qari tal-Iskrittura u talb qabel jibda s-servizz.
Matul il-laqgħa, kemm jista’ jkun tfixkilx lil ħaddieħor. Itfi l-mobile kif tidħol il-knisja. Jekk hemm bżonn idħol it-toilet qabel jibda s-servizz. Jekk verament ikollok bżonn tmur (jew tqum għal xi raġuni valida oħra), ipprova evita li tqum waqt li l-pastor jew xi kelliem ieħor ikun qiegħed jaqra jew jitkellem minn fuq il-pulptu (għax ittellef lis-semmiegħa u titlef il-fil lil min qed jitkellem).
Mill-banda l-oħra tħallix id-distrazzjonijiet ifixkluk. Jekk hemm tarbija tibki, berikha f’qalbek, u itlob ’l Alla jgħinek tikkonċentra fuq il-qima tiegħu.
Fuq kollox, ejja l-knisja b’antiċipazzjoni li tiltaqa’ mas-Sid, u li tkun imbierek u li tbierek lil ħaddieħor. Mhux bħala spettatur, imma billi tieħu sehem attiv fil-kant u t-talb, u forsi billi tagħti sehem speċifiku fil-laqgħa (usher, qari, traduzzjoni, tgħallem, tqassam il-ħobż u l-inbid – hu x’inhu, agħmlu bil-qalb għall-Mulej). Meta tinqara u tixxandar il-Kelma, moħħok hemm, ilqagħha b’manswetuduni bħala l-Kelma t’Alla, kif tassew hi, sabiex tibdlek fl-immaġini tas-Sid.
Il-ħin ta’ xirka bejnietna fi tmiem il-laqgħa huwa wkoll opportunità biex isservi, titkellem u tgawdi lil ħutek fil-Mulej. Uri ospitalità mal-viżitaturi.
Lil Alla “tingħata l-glorja fil-knisja, bi Kristu Ġesù, fiż-żminijiet kollha, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen” (Efesin 3:21).