Il-Patt bejn l-aħwa

Billi bil-grazzja divina twassalna biex nindmu minn dnubietna kollha u biex ukoll nafdaw fis-Salvatur Ġesù Kristu, kif ukoll biex niddedikaw lilna nfusna lis-Sid irxoxtat u renjanti tagħna, u billi tgħammidna wara li stqarrejna l-fidi tagħna fl-evanġelju t’Alla, f’isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu, issa nfittxu l-għajnuna grazzjuża tiegħu sabiex solennement u bil-ferħ inġeddu l-patt tagħna ma’ xulxin fil-preżenza tiegħu.

Imħabba lejn Alla

Inwiegħdu lil xulxin illi f’kulma nagħmlu nimmiraw biex nifirħu fil-Mulej, ingawduh bħala t-teżor suprem tagħna, u nigglorifikawh bħala Alla tas-salvazzjoni tagħna, li minnu, bih u għalih huma l-ħwejjeġ kollha: lilu jingħataw glorja, ġieħ, foħrija, unur, u ringrazzjament, issa u għal dejjem!

Se mmantnu l-ambizzjoni tagħna illi nħobbu lis-Sid Alla tagħna b’qalbna, ruħna, moħħa u l-qawwa kollha tagħna, kif ukoll ngħixu quddiemu b’tali mod illi nuru mħabbitna lejh fil-qima, il-komportament u x-xhieda tagħna. Naqblu illi naduraw u nagħtu qima lil Alla Trinità waħdu, kif tidderiġina l-Iskrittura biss, b’qalb devota u dedikata, regolarment f’jum is-Sid, kif ukoll f’laqgħat oħra, sakemm possibbli. Naqblu illi nadurawh kif ħatar u għallimna hu stess, u mhux bl-ideat, immaġinazzjoni jew innovazzjonijiet tagħna; u allura neskludu mill-qima tagħna kulma ma kmandahx hu nnifsu, filwaqt li b’kuxjenza tajba nosservaw dawk id-doveri u ordinanzi tal-patt il-ġdid, li fih ninsabu mseħbin. Se nqimuh b’kull sinċerità, u nevitaw milli nersqu lejh b’xofftejna biss, iżda noffru dik il-qima mill-qalb, kif jirrekjiedi minna.

Naqblu illi nimxu quddiem Alla tagħna fi qdusija biblika, fil-qalb u l-kondotta. Nagħrfu s-serjetà illi nieħdu fuqna nfusna l-isem tal-uniku Alla veru fil-magħmudija tagħna u s-sħubija fil-knisja. M’aħniex se nieħdu dak l-isem glorjuż b’mod leġġier, iżda aktarx inżeju l-professjoni tagħna bl-unur u l-ġieħ billi dejjem nixxenqu għal mixja eqreb m’Alla permezz tal-mezzi tal-grazzja maħturin għalina, inkluż mhux biss l-attendenza fidila tagħna għall-qima pubblika, iżda wkoll immantnu d-devozzjonijiet privati tagħna u qima mal-familja. Se nfittxu wkoll is-salvazzjoni u t-taqdis ta’ wliedna u maħbubin oħra, billi ngħallmuhom il-verità evanġelika, filwaqt li nkunu mudelli ta’ dik l-istess verità bi mġiba tajba quddiemhom.

Imħabba lejn l-Aħwa

Se nimmiraw ukoll illi nħobbu lil xulxin f’din il-miġemgħa bi mħabba fraterna, kif tidderiġina l-Iskrittura, b’maħfra pronta u mill-qalb, b’diskors xieraq u edifikanti, kif jixraq lill-membri ta’ knisja Kristjana. Neżerċitaw għożża affezzjonata u protezzjoni responsabbli lejn xulxin skont kif tirrekjiedi l-okkażżjoni.

Se nieħdu ħsieb xulxin fi ħwejjeġ temporanji, nithennew flimkien f’Alla u f’barkietu, inġorru t-tagħbijiet ta’ xulxin u nfittxu kull meta possibbli illi b’mod attiv nissollevaw lil xulxin fil-provi u s-sofferenzi tagħna.

Nindokraw lil xulxin spiritwalment, billi ngħassu b’atteġġjament tajjeb għall-benesseri ta’ erwieħ xulxin. Se nassistu lil xulxin tul il-pelleġrinaġġ tagħna lejn il-glorja eterna, mhux biss billi ninterċiedu għal xulxin, iżda wkoll billi skritturalment ngħallmu, nammonixxu u nagħtu pariri bibliċi lil xulxin. Nixprunaw lil xulxin għall-imħabba u l-għemil it-tajjeb, kif ukoll inwiddbu, inwissu u ninkuraġġixxu lil xulxin, aħna u nistennew bil-ħerqa u tħejjija r-ritorn glorjuż tal-Għarus tagħna, Ġesù.

Naħdmu sabiex nippriżervaw l-unità tal-Ispirtu fir-rabta tas-sliem, kif ukoll nitolbu għal din l-għaqda mbierka. Se naħdmu bi bżulija għall-paċi f’din l-assemblea billi mmantnu relazzjonijiet sodi u ħanina ma’ xulxin. Se nevitaw milli nweġġgħu jew nidinbu kontra xulin b’xi mod, u nkunu pronti biex nindmu u nitolbu maħfra meta nonqsu. Se nkunu kajmana biex noffendu ruħna, nissaportu lil xulxin, u dejjem lesti nirrikonċiljaw ruħna meta jinqala’ konflitt.

Naqblu flimkien illi sinċerament, b’diliġenza u b’mod attiv nippromwovu l-benesseri ta’ din il-knisja, kif ukoll infittxu nsaħħu l-qima, id-dottrina u d-dixxiplina tagħha. Se nissottomettu bi spirtu ferrieħi għall-mexxejja maħtura minn Kristu fuqna, filwaqt li nikkontribwixxu voluntarjament u regolarment għall-appoġġ tal-ministeru evanġeliku. Kull wieħed minna se jirsisti biex jagħmel ħiltu kollha ħalli din il-knisja tkun tabilħaqq għarusa denja għal Kristu.

Imħabba lejn il-Proxxmu

Aktar mill-miġemgħa tagħna stess, se nħobbu lill-bnedmin l-oħra, huma min huma, bħalna nfusna. Se nħobbu nies mifdija oħra, huma ta’ liema denominazzjoni huma, bħala aħwa u werrieta magħna tal-glorja. Filwaqt li nfittxu nżommu fedelment dak li aħna konvinti minnu bħala verità biblika, se nevitaw kull spirtu ta’ settarjaniżmu u rivalità, filwaqt li kemm hu possibbli nfittxu l-ogħla grad ta’ ħbiberija u komunjoni ma’ Kristjani oħra, filwaqt li wkoll nippromwovu l-ġid temporali u spiritwali tal-familja kollha t’Alla.

Se nħobbu lill-proxxmu tagħna li għadu barra mis-saltna ta’ Kristu, u nfittxu wkoll il-benesseri temporanju tiegħu. Iżda speċjalment, skont il-kummissjoni kbira ta’ Kristu, infittxu nagħmlu dixxipli billi nwasslulhom l-evanġelju u nirbħuhom għas-saltna eterna, biex bħalna jimxu fit-tiġdid tal-ħajja. Se tkun il-mira tagħna illi nimxu quddiemhom fi qdusija vera ħalli l-evanġelju li nxandrulhom jidher aktar attraenti u konvinċenti, għall-glorja t’Alla. Ningaġġaw ruħna wkoll illi nippromwovu t-tifrix tal-evanġelju mondjalment, bit-talb, bl-għoti finanzjarju, u bi kwalunkwe mezzi skritturali oħra għad-dispożizzjoni tagħna.

Nidħlu f’dan il-patt voluntarjament u bil-ferħ, filwaqt li nirrikonoxxu umilment id-dnub u n-nuqqasijiet li għad fadlilna, iżda b’dipendenza sħiħa fuq l-Ispirtu omnipotenti t’Alla li kapaċi jaħdem fina kulma hu aċċettabbli f’għajnejh. Nilqgħu dan il-patt b’xewqa serja biex nogħġbu lil Alla billi nżommuh skont l-abbiltà li jagħtina hu. U jekk fil-providenza tiegħu l-Mulej ineħħina minn dil-kongregazzjoni, nieħdu passi biex ningħaqdu ma’ knisja fidila oħra sabiex inkomplu nonoraw id-dmirijiet ta’ dal-patt. Jalla l-grazzja tas-Sid Ġesù Kristu, u l-imħabba tal-Missier, u x-xirka tal-Ispirtu s-Santu, ikunu magħna lkoll. Ammen.

Scroll to Top