Il-Pastor: Qaddej ta’ Kristu, Mhux iċ-Ċentru tal-Knisja

X’inhu “Kumpless ta’ Messija”?

Hija espressjoni użata biex tiddeskrivi mentalità li fiha persuna titqiegħed fuq pedestall, tingħata importanza u awtorità eċċessivi, u titqies bħala xi ħadd kważi indispensabbli.

Fil-kuntest ta’ knisja, din il-mentalità tista’ tidher fost membri li idealizzaw lill-pastor tagħhom, jiddependu żżejjed minnu u jagħtuh lealtà u awtorità li jmorru lil hinn minn dak li tgħallem l-Iskrittura.

Din tista’ tidher f’dawn is-sitt modi:

  1. Idealizzazzjoni u tifħir eċċessiv tal-pastor: iqisuh bħala persuna straordinarja, kważi bħallikieku ma jiżbaljax u ma jkollux nuqqasijiet. Jiffukaw fuq il-kwalitajiet u s-suċċessi tiegħu, u jagħtuh importanza u ammirazzjoni li jmorru lil hinn mir-rispett li jistħoqqlu bħala qaddej ta’ Kristu. Xi wħud saħansitra jagħmlu minn kollox biex jirbħu l-approvazzjoni u l-favur tiegħu, u biex jidħlu fiċ-ċirku ta’ dawk li huma l-aktar qrib tiegħu.
  2. Lealtà u protezzjoni bla kundizzjonijiet: jiddefendu lill-pastor anki meta jkun hemm evidenza ta’ tagħlim żbaljat jew imġiba ħażina. Kull min jikkritikah jitqies bħala immatur, għadu, ribelluż jew persuna li qed tattakka l-knisja.
  3. Dipendenza spiritwali: jiddependu mill-pastor biex jinterpretalhom kollox u jieħu deċiżjonijiet spiritwali għalihom. Saħansitra jfittxu l-approvazzjoni jew il-permess tiegħu qabel jieħdu ċerti deċiżjonijiet personali, bħallikieku għandhom bżonn l-awtorizzazzjoni tiegħu biex imexxu ħajjithom.
  4. Attribuzzjoni ta’ awtorità eċċessiva: kliemu u d-deċiżjonijiet tiegħu jitqiesu kważi daqs li kieku kellhom l-awtorità tal-Kelma t’Alla. Saħansitra jibdew isejħulu “missier spiritwali” u jqisu lilhom infushom bħala wliedu, u b’hekk jagħtuh pożizzjoni ta’ awtorità u influwenza spiritwali li tmur lil hinn minn dik li l-Iskrittura tagħti lil pastor. Dan ma jfissirx li l-espressjoni “missier spiritwali” hija fiha nnifisha mhux Skritturali, iżda li l-użu tagħha għandu jkun skont it-tifsira u l-limiti li tagħtiha l-Iskrittura.
  5. Preġudizzju tal-konferma u mentalità ta’ vittma: jaċċettaw u jagħtu importanza lil informazzjoni li ssaħħaħ l-opinjoni pożittiva tagħhom dwar il-pastor, filwaqt li jinjoraw jew jiġġustifikaw evidenza li tikkontradixxiha. Meta jinqalgħu kritika jew mistoqsijiet, dawn jiġu ppreżentati bħala attakki, persekuzzjoni jew tentattivi biex jitwaqqa’. B’hekk, il-pastor jiġi ppreżentat bħala l-vittma u dawk li jqajmu tħassib leġittimu bħala l-aggressuri. Sintendi mhux kull kritika hija ġusta. Iżda meta kull kritika tiġi awtomatikament interpretata bħala attakk, dan jista’ jsir mezz biex il-mexxej jinżamm milli jagħti kont ta’ għemilu u ta’ kliemu.
  6. Il-pastor isir iċ-ċentru tal-knisja: il-lealtà, l-attenzjoni u l-appoġġ tal-membri jkunu ffukati fuqu aktar milli fuq Kristu. Jinsew li l-pastor huwa qaddej tal-knisja, imsejjaħ biex imexxi lin-nies lejn Kristu, mhux biex jiġbed lin-nies lejh innifsu.

F’każijiet bħal dawn, il-lealtà lejn il-mexxej tista’ ssir tant qawwija li l-persuna ma tibqax tevalwa l-pastor fid-dawl tal-Kelma t’Alla, iżda tibda tinterpreta l-Kelma t’Alla fid-dawl tal-opinjoni li diġà għandha dwar il-pastor.

Biex nevitaw dawn l-attitudnijiet u nżommu l-perspettiva biblika, jeħtieġ li nerġgħu lura għal dak li tgħidilna l-Kelma t’Alla dwar ir-rwol tal-pastor u r-relazzjoni tagħna miegħu. 

  1. Nagħrfu li l-pastors huma bnedmin imperfetti u midinbin, li wkoll jeħtieġu l-grazzja ta’ Alla. Kristu biss huwa l-Kap perfett tal-knisja. (Rumani 3:23; Kolossin 1:18)
  2. Il-lealtà tagħna lejn mexxejja spiritwali mhijiex bla kundizzjonijiet. Għandna neżaminaw it-tagħlim u t-tmexxija tagħhom fid-dawl tal-Iskrittura, għax l-awtorità finali hija tal-Kelma t’Alla. Il-pastor għandu jgħallem u jmexxi taħt l-awtorità tagħha, mhux jieħu postha. (Atti 17:11; 1 Tessalonikin 5:21; 2 Timotju 3:16–17; 1 Pietru 5:2–3)
  3. Għandna nikbru fil-maturità spiritwali u nitgħallmu neżaminaw l-Iskrittura għalina nfusna, mhux niddependu minn pastor biex jaħseb jew jiddeċiedi kollox għalina. (Efesin 4:13–14; Lhud 5:12–14)
  4. Għandna nkunu lesti nisimgħu u neżaminaw kritika u evidenza b’onestà, anki meta dawn imorru kontra l-opinjoni li diġà għandna dwar il-pastor. Ma għandniex nqisu awtomatikament lil min jagħmel kritika bħala għadu, iżda għandna nistħarrġu jekk hijiex ġustifikata u niġġudikaw skont il-verità, mhux skont il-persuna. Fl-istess waqt, għandna nitolbu li kollox isir bl-imħabba u skont il-verità. (Proverbji 18:13,17; Efesin 4:15; Ġwanni 7:24)
  5. Għandna nkunu lesti naċċettaw korrezzjoni u nagħtu kont ta’ għemilna. Mexxej spiritwali ma għandux ikun eżentat minn skrutinju jew korrezzjoni. L-anzjani għandhom jiġu akkużati u ttrattati skont il-prinċipji Bibliċi. (1 Timotju 5:19–21; Proverbji 12:1)

Fl-aħħar mill-aħħar, il-pastor huwa qaddej ta’ Kristu u mhux sid tal-knisja. Għandna nirrispettawh, napprezzaw il-ħidma tiegħu u nissottomettu ruħna għat-tmexxija tiegħu sakemm din tkun skont il-Kelma t’Alla. Iżda qatt m’għandna nagħtuh post li jappartjeni lil Kristu biss. Il-lealtà tagħna hija l-ewwel u qabel kollox lejn Kristu, u kull mexxej spiritwali għandna nevalwawh fid-dawl tal-Kelma tiegħu. 

Għal aktar tagħrif dwar il-perikli tal-abbuż tal-awtorità spiritwali fil-knisja, nirrakkomandaw din il-prietka: 

Isma’ l-priedka dwar l-abbuż spiritwali fuq YouTube 

Scroll to Top