Ġustifikati bil-Fidi

Il-kelma “ġustifikazzjoni” hi terminu legali: is-sentenza tal-Imħallef favur l-akkużat meta jiddikjarah ġust, mhux ħati, u jeħilsu minn kull piena tal-liġi. L-oppost ta’ ġustifikazzjoni hi l-kundanna: is-sentenza kontra l-akkużat meta l-Imħallef jiddikjarah ħati u ħaqqu l-kastiġ minħabba l-ksur tal-liġi. Min jobdi l-liġi huwa ġust, min jikser il-liġi huwa inġust u ħati. L-imħallef rett jikkundanna lill-ħati u jiggustifika l-ġust (Dewteronomju 25:1; Proverbji 17:15).

Alla kien jiġġustifikana kieku konna ġusti. F’dak il-każ ma kienx ikollna bżonn salvatur għax Kristu ma ġiex isejjaħ il-ġusti iżda l-midinbin. Fir-realtà lkoll dnibna billi ksirna l-liġi t’Alla; twelidna midinbin minħabba d-dnub oriġinali u komplejna inżidu ta’ kuljum il-ħtijiet tagħna. Għalhekk ħalli “jingħalaq kull fomm, u d-dinja kollha ssir ħatja quddiem Alla” (Rumani 3:19). Is-sentenza ġusta t’Alla hija l-kundanna tagħna. Ilkoll ħatja; ilkoll ħaqqna l-Infern.

Ladarba l-Mulej jistmell “kemm min jiġġustifika il-ħażin u kemm min jikkundanna l-ġust,” kif qatt mela nistgħu neħilsu? Quddiem l-Imħallef ġust, kif jistal-midneb jeħles mill-kundanna u l-kastig? Hawn dehret il-glorja tal-Evanġelju tal-grazzja għax Alla sab mezz kif ikun ġust u fl-istess ħin jiġġustifika lill-ħażin. Il-ġustifikazzjoni hi l-att tal-grazzja t’Alla lejn il-midneb. Jaħfirlu dnubietu kollha, u jgħoddu bħala ġust f’għajnejh, mhux minħabba xi ħaġa magħmula fih jew minnu, imma biss minħabba l-ubbidjenza perfetta u t-tpattija sħiħa ta’ Kristu mgħaduda lilu, u milqugħa bil-fidi biss.

Bil-Fidi Biss

Il-midneb hu ġġustifikat permezz tal-fidi biss. Alla ma jiġġustifikax lill-bniedem minħabba l-ġustizzja personali li kiseb minħabba l-ubbidjenza għal-liġi. L-Iskrittura tiddikjara ċar: “Aħna nżommu li bniedem hu ġġustifikat bil-fidi mingħajr l-għemil tal-liġi” (Rumani 3:28). “Nafu li l-bniedem mhux iġġustifikat bl-opri tal-liġi, imma bil-fidi ta’ Ġesù Kristu, biex inkunu ġġustifikati bil-fidi ta’ Kristu, u mhux bl-opri tal-liġi; għax bl-opri tal-liġi ħadd ma jkun iġġustifikat” (Galatin 2:16). “Li l-ebda bniedem mhu ġġustifikat bil-liġi quddiem Alla hu ċar għax il-ġust jgħix bil-fidi” (Galatin 3:11).

Il-bniedem hu ġustifikat bil-fidi biss, mingħajr il-merti tal-opri. Dan ma jfissirx li l-fidi hi weħidha jew iżolata fil-bniedem ġustifikat. Il-fidi ġenwina dejjem tidher mill-opri tajba li tipproduċi. Iżda l-Kristjan ma jagħmilx l-opri sabiex ikun iġġustifikat quddiem Alla. “Imma għal dak li ma jaħdimx, izda jemmen f’dak li jiġġustifika l-ħażin, il-fidi tiegħu tingħadd bħala ġustizzja” (ara Rumani 4:4). Għalkemm midneb (il-kredent jibqa’ midneb tul għomru kollu, ara 1 Ġwanni 1:8), lil min jafda fil-Mulej Ġesù biex jeħilsu mid-dnub, Alla jiġġustifikah – ma jgħoddx iżjed ħtijietu kontrih u minflok jgħoddu bħala ġust u ħieles minn kull kastig. “Imbierek hu l-bniedem li Alla jgħoddlu l-ħaqq mingħajr opri… imberkin dawk li ħtijiethom maħfura u li dnubiethom mgħottija. Imbierek ir-raġel li l-Mulej ma jgħoddlux id-dnub” (Rumani 4:6-8).

Bi Kristu Biss

Kif jista’ Alla ġust u rett ma jgħoddx id-dnub? Jista’ forsi jagħlaq għajn waħda u jinjorah? Lill-kredent kif jista’ “jgħoddlu l-ħaqq” (iqisu ġust) jekk ma ħadimx għalih? X’ġustizzja hi din li minħabba fiha jaċċettah?

Alla ma jgħoddx id-dnub tal-kredent kontrih għax Kristu, li m’għamel l-ebda dnub, daħal responsabbli għal dnubietu u ħallas għalihom fuq is-salib. Għalhekk il-Bibbja tgħid li Alla jiġġustifikom “permezz tal-fidwa li hi fi Kristu Ġesù li Alla qegħdu biex ikun il-propizjazzjoni permezz tal-fidi f’demmu” (Rumani 3:24-25). Il-fidwa hija l-ħelsien mid-dnub; il-ħlas kien id-demm mxerred ta’ Kristu. Kristu hu l-propizjazzjoni: Kristu berred l-għadab ġust t’Alla għall-midneb bis-sagrifiċċju tiegħu fuq is-salib. Minbarra li jeħilsu mid-dnub, Kristu jlibbes lill-kredent bil-ġustizzja (it-tjieba, il-perfezzjoni) tiegħu stess. “Bil-ġustizzja ta’ wieħed waħdu l-għotja ġiet fuq il-bnedmin kollha għall-ġustifikazzjoni tal-ħajja… bl-ubbidjenza ta’ wieħed il-ħafna jsiru ġusti” (Rumani 5:17, 19). Fil-qosor, lil Kristu “li ma għaraf ebda dnub, Alla għamlu biex ikun dnub għalina; biex aħna nsiru l-ġustizzja t’Alla fih” (2 Korintin 5:21). Id-dnub tal-midneb ħadu Kristu; il-ġustizzja ta’ Kristu ingħatat lill-midneb. Hekk mela Alla hu “ġust u jiġġustifka lil min jemmen f’Ġesù” (Rumani 3:26).

Bil-Grazzja Biss

Il-ħaddiem jistħoqqlu u jimmerita l-paga għax ikun ħadem għaliha. Imma l-qaddej li kien jobgħod u jisraq lil sidu ma ħaqqux għajr il-kastig u l-għadab tiegħu. Jekk sidu jaħfirlu u jagħnih b’kull ġid ikun wera grazzja miegħu billi jkun tah dak li ma kienx jixraqlu, li qatt ma ħadem għalih. Hekk jagħmel Alla ma min jemmen f’Ġesù. “Lil dak li jaħdem, il-ħlas ma jingħaddlux bħala grazzja imma bħala dejn. Imma għal dak li ma jaħdimx, iżda jemmen f’dak li jiġġustifika l-ħażin, il-fidi tiegħu tingħadd bħala ħaqq” (Rumani 4:4-5).

Min jipprova jitħabbeb m’Alla bl-opri tiegħu jkun jiċħad il-grazzja t’Alla (ara Rumani 11:6; Galatin 5:4). Lill-kredenti Alla “jiġġustifikahom b’xejn bil-grazzja tiegħu” (Rumani 3:24). B’xejn! Bla ħlas! Mingħajr mertu tal-bniedem. Fl-istess waqt il-ġustifikazzjoni mhix irħisa. Il-ħlas tagħha huwa ta’ valur infinit. “Aħna ġġustifikati b’demmu” (Rumani 5:9). Alla jiġġustifikana b’xejn għax ħallasha Ibnu stess!

Id-duttrina tal-ġustifikazzjoni hi vitali għalik u għall-knisja. Jekk niżbaljaw hawnhekk nitilfu kollox. Jeħtieġ inżommu sod l-Evanġelju kif preżentat fl-Iskrittura u niddefenduh kontra t-tbagħbis tal-bniedem. B’dispjaċir ninnotaw li sa llum il-knisja Kattolika għadha ma nidmitx mill-għelt tagħha. Għadha tinsisti li bniedem hu ġustifikat bil-fidi u l-opri, bi Kristu u bil-koperazzjoni umana, bil-grazzja u bil-merti tal-bniedem. Aħna nibqgħu nistqarru sal-mewt li konna ġustifikati permezz tal-fidi biss, bi Kristu waħdu u bil-grazzja pura t’Alla.

Fidi Ħajja

It-tagħlim tal-Iskrittura sikwit jintuża għal għanijiet ħżiena. Id-duttrina tal-gustifikazzjoni bil-fidi biss hi vittma ewlenija tal-moħħ maqlub tal-bniedem. “Tajjeb! Ladarba ġustifikati bil-fidi u mhux bl-opri, ma nagħmel xejn. Anzi, jekk ġustifikati bil-grazzja, nista’ nkompli ngawdi l-ħażen u nsalva xorta waħda!” Bluha bħal din tinstema’ kulfejn jixxandar l-Evanġelju, illum ukoll bħalma kien fi żmien l-appostli (Rumani 6:1, 15).

Jeħtieġ naffermaw li l-bniedem hu ġustifikat quddiem Alla bil-fidi, u mhux bl-opri personali. Irridu nżidu wkoll li l-ħajja ta’ kull Kristjan hi mimlija għemejjel tajba. Min tassew jemmen fi Kristu, u allura ġustifikat u paċi m’Alla, jwettaq opri tajba bi tweġiba għall-imħabba t’Alla lejh. “Aħna għarafna u emminna fl-imħabba li għandu Alla għalina. Alla hu mħabba; u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla, u Alla jgħammar fih” (1 Ġwanni 4:16). Kif taqbad tfiehem lil min jippretendi li tista’ tixtri l-Ġenna bl-opri li hemm mottiv ogħla u aktar pur – l-imħabba – għal ħajja qaddisa mimlija opri tajba?

Issib min jiftaħar li jemmem, għalkemm m’għandu ebda prova x’juri. Ġakbu jikxef l-fruha tiegħu u jisfidah: “Urini l-fidi tiegħek mingħajr opri (jekk tista’!), u jien nuri il-fidi tiegħi mill-opri tiegħi” (Ġakbu 2:18). Il-fidi li m’għandiex opri hi mejta; il-fidi mejta hi falza u ma tiġġustifika lil ħadd. F’kelma waħda, il-bniedem hu ġustifikat bil-fidi, u mhux bl-opri; u l-fidi li tiġġustifika hi dejjem msieħba ma’ opri tajba.

Scroll to Top