Trabbejt ġo familja Kattolika Rumana; minn żgħoriti għallmuni nsegwi l-preċetti tal-knisja u bqajt dejjem prattikanti. Il-knisja ħabbejtha, u ma kontx nimmaġina ngħix mingħajrha.
Ta’ għoxrin sena sirt Protestant. L-ogħla raġuni, u l-iżjed waħda kruċjali, għala ħadt dal-pass kritiku nesprimiha hekk: Alla, fil-providenza tiegħu, mexxieni biex inħaddan il-fidi biblika, bla żidiet, nuqqas jew tibdil. Minn dakinhar ’l hawn qatt ma ħarist lura, u nroddlu ħajr talli mexxieni f’dil-mogħdija li, għalkemm mhix faċli, hi miżgħuda barka fi ħbiberija u xirka miegħu.
Nifhem kif individwu ieħor kapaċi jgħid: “Għall-kuntrarju tiegħek, jien twelidt u trabbejt Protestant, iżda Alla qanqalni biex ningħaqad mal-Knisja Kattolika Rumana.” It-tnejn inkunu qed nitkellmu mil-lat soġġettiv, x’ġara lilu u x’ġara lili. It-tnejn nesprimu klejm illi ħaddieħor jista’ jilqagħha jew jirriġettaha. Għaldaqstant importanti noffri raġunijiet addizzjonali għala qlibt Protestant, raġunijiet illi l-qarrej jista’ jiċċekkja l-veraċità jew il-falsità tagħhom għalih innifsu.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax il-Protestantiżmu fl-aħjar espressjoni tiegħu jixbah lill-knisja bikrija, wisq aktar mill-Kattoliċeżmu Ruman jew l-Ortodossija Griega. Aktar ma nbarmu s-sekli aktar il-knisja saret sekulari, istituzzjonalizzata u estremament liturġika, b’akkrezzjonijiet illi ma setgħet tagħti ebda difiża biblika għalihom. Iżda almenu sal-bidu tar-raba’ seklu, qabel ma l-knisja żżewġet mal-Imperu Ruman, kienet relattivament pura u fidila.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax il-Protestantiżmu jipprova konxjament jimmira għal spiritwalità safja. Jagħmel kull tentattiv biex ikompli jirriforma u jimmodifika xi ħaġa li kienet diġà teżisti qablu, il-knisja. Bħala parti mill-istess knisja waħda jixtieq itejjibha, mhux jirribella kontriha, fis-sens illi jixtieqha tirrifletti t-tagħlim tal-Iskrittura u tal-knejjes primittivi, xejn iżjed u xejn inqas. Qabel sirt Protestant, ħabbejt il-knisja bħala istituzzjoni, u issa li jien Protestant inħobbha wisq aktar, għax irridha tkun konformi aktar u aktar mal-istandard bibliku. Bħala Protestant la ħriġt mill-knisja u lanqas abbandunajtha; aktarx għaraft in-natura vera tagħha, bħala organiżmu ħaj, il-ġisem mistiku ta’ Kristu.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax la jien intimidat u lanqas naċċetta l-kritika tal-Kattoliċi meta jinsinwaw li l-Protestanti twieldu fis-seklu sittax, mentri huma għandhom partentela li teħodhom lura għal żmien l-appostli, l-unika knisja mwaqqfa minn Kristu. Fir-realtà l-istorja tal-knisja tul żewġ millenji hi tal-Protestanti daqskemm hi wkoll tal-Kattoliċi u tal-Ortodossi; ebda denominazzjoni m’għandha monopolju fuq l-istorja tal-knisja. Għax għalkemm il-Protestanti tkeċċew formalment mill-knisja istituzzjonalizzata, xorta waħda baqgħu milqugħa fil-knisja vera ta’ Kristu u huma identifiki magħha.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax l-Insara kollha llum (xi wħud Protestanti, xi wħud Kattoliċi u xi wħud Ortodossi) igawdu wirt komuni li ma jistgħux jidentifikaw ruħhom miegħu totalment. Is-Santi Padri, pereżempju, għallmu xi ħwejjeġ li l-Kattoliċi llum ma jilqgħuhomx (eż., twemmin kiljastiku, u t-tmiem imminenti tad-dinja), u ħwejjeġ oħra li jilqgħuhom. Għallmu ħwejjeġ li l-Protestanti llum ma jilqgħuhomx (eż., li ċerti dnubiet gravi wara l-magħmudija ma jinħafrux), u ħwejjeġ oħra li jilqgħuhom. Għallmu ħwejjeġ li la l-Kattoliċi u lanqas il-Protestanti ma jilqgħu (eż., it-twemmin illi l-istorja umana se ttul għal sitt elef sena biss). Għallmu wkoll ħwejjeġ li l-Kattoliċi u l-Protestanti jilqgħuhom flimkien (eż., id-dottrina tat-Trinità). L-istorja tal-knisja mhi ta’ ħadd u hi ta’ kulħadd, għax hi l-istorja ta’ bnedmin fallibbli, li b’xi mod jew ieħor, xi ftit jew wisq, Alla għoġbu juża għall-glorja tiegħu u l-avvanz tal-vanġelu.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax nemmen illi l-Bibbja hi l-awtorità suprema u infallibbli għall-knisja, u l-knisja obbligata tissottometti għaliha, mhux televa lilha nfisha biex tkun f’parità magħha (Isa.40:6-8). Fi kliem ieħor, Sola Scriptura hi dottrina korretta, vera, u indispensabbli għas-saħħa u s-safa tal-knisja. Il-knisja bikrija tmexxiet providenzjalment biex tagħraf liema huma l-kotba kanoniċi tal-Bibbja. B’daqshekk ma jfissirx li għandha awtorità ugwali mal-Bibbja. Il-Bibbja hi l-awtorità finali u deċiżiva biex tiġi determinata l-fidi u l-prattika ta’ kull Nisrani f’kull żmien u f’kull post.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax nirrikonoxxi li hemm rwol importanti għat-tradizzjoni, u post għall-għalliema kwalifikati fil-knisja, iżda xejn u ħadd mhu ogħla fl-awtorità mill-Kelma t’Alla, li hi suffiċjenti biex niesu jaqduh, jogħġbuh u jkunu fornuti għal kull għemil tajjeb (2 Tim.3:16-17). Kull dottrina u tagħlim għandhom ikunu ttestjata fid-dawl tal-Bibbja, u approvati minnha, altrimenti jitwarrbu (At.17:11). Il-knisja mhijiex ogħla jew daqs il-Kelma t’Alla; għandha tkun ubbidjenti għaliha.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax nidentifika l-Protestantiżmu klassiku bħala ritorn fidil għall-awtorità unika u suprema tal-Bibbja Mqaddsa. Inħobb il-Protestantiżmu għax ma jirriġettax l-istorja, it-tradizzjoni, il-patrimonju rikk u normi awtorevoli oħra fil-knisja, iżda jfittex biss illi jkunu subordinati taħt l-awtorità superjuri tal-Iskrittura. Ladarba hi leħen Alla, xejn u ħadd ma jista’ jkun f’rivalità magħha.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax hekk m’iniex imġiegħel nistqarr bħala kanoniċi seba’ kotba ta’ oriġini purament umana, mingħajr ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, li jikkontienu żbalji ta’ kull xorta. Lil-Lhud ġew kommessi l-orakli t’Alla (Rum.3:2), u allura nikkuntenta filli nżomm l-istess Patt il-Qadim bħalma kellhom u għad għandhom il-Lhud illum.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax uffiċċjalment Ruma xxandar “vanġelu ieħor” li mhu vanġelu xejn (Gal.1:6-9). Nemmen li s-salvazzjoni hi kompletament bil-grazzja, permezz ta’ Kristu, u mhux b’xi mertu tagħna, la fil-bidu u lanqas matul il-mixja tagħna bħala dixxipli tiegħu. Il-midneb hu ġustifikat bil-grazzja biss, permezz tal-fidi biss, fi Kristu waħdu, apparti l-opri umani (Rum.3:19-31; 4:4-8). Il-Kattoliċeżmu Ruman, b’kuntrast, iħallat il-ġustifikazzjoni (dikjarat ġust) mas-santifikazzjoni (progress f’għejxien ġust). Dan jimmina s-suffiċjenza tal-fidwa ta’ Kristu bis-salib għall-ġustifikazzjoni tal-midneb.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax nemmen illi l-opri tajba u l-ubbidjenza tal-fidili lejn Alla huma r-riżultat u l-frott tas-salvazzjoni, li tingħatalhom bi grazzja permezz tal-fidi biss. L-imħabba, il-ġustizzja, il-qdusija u d-dixxiplini spiritwali huma importanti, mhux bħala mezzi biex naqilgħu s-salvazzjoni, iżda bħala evidenza li ninsabu fi stat ta’ salvazzjoni. Il-fidil, dikjarat ġust minħabba Kristu, jgħix ħajja ġusta u retta prattikament (Ef.2:8-10). Il-fidi waħidha tiġġustifika, iżda l-fidi li tiġġustifika qatt mhi waħidha, iżda hi akkumpanjata bl-imħabba u tintwera bl-opri tajba.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax nemmen illi d-dixxipli ta’ Ġesù għandhom ikunu fid-dinja mingħajr ma jkunu tad-dinja. Aħna msejħin biex nitħalltu man-nies mitlufa ħalli ninfluwenzawhom bix-xhieda verbali u morali tagħna, u nservu bħala dawl u melħ għas-soċjetà. Filwaqt li nifhmu illi avolja sa ċertu punt Alla nqeda bil-monastiċiżmu fl-imgħoddi, la nagħrfuh bħala istituzzjoni biblika u lanqas bħala livell ta’ qdusija ogħla mil-lajċi.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax niċħad kwalunkwe saċerdozju uman biex iwettaq medjazzjoni bejn Alla u l-lajċi. Il-Bibbja tgħallem is-saċerdozju tal-fidili kollha. Ġesù “ħallna minn dnubietna b’demmu, u għamilna saltna, saċerdoti għal Alla u Missieru” (Riv.1:5-6). Bħalma jgħid J.I. Packer: “M’għandniex bżonn medjaturi saċerdotali umani għax għandna lil Kristu.” Kull konvertit għandu aċċess dirett għand Alla permezz tal-uniku medjatur, Ġesù (1 Tim.2:5; Ebr.10:19-22).
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax nobdi lil Sidna Ġesù meta għallem illi d-dnubiet nistqarrhom lil Missieri fis-smewwiet (Mt.6:9-13), u mhux lil wieħed, hekk imsejjaħ saċerdot, li jidhirlu għandu l-awtorità jaħfirli dnubieti. Din it-tali medjazzjoni la hi kmandata u lanqas għandi x’nambiha (1 Ġw.1:9), għax Kristu qalagħli aċċess dirett għand il-Missier (Ef.2:17-18).
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax nagħraf illi ħafna dottrini Kattoliċi Rumani mhumiex bibliċi, iżda żviluppaw tard matul l-istorja tal-knisja. Mhumiex antiki biżżejjed hekk li jmorru lura sa żmien l-appostli. Kull min onestament jagħmel ir-riċerka storika tiegħu malajr jintebaħ illi l-Kattoliċeżmu modern, bid-dommi ekstra-bibliċi tiegħu, ma jaqbel xejn max-xhieda storika fl-ewwel ftit sekli.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax nistqarr lil Sidna Ġesù bħala l-uniku Ras tal-knisja (Ef.1:22-23; Kol.1:18). Huwa ovvju li l-papat beda jifforma qajl qajl mir-raba’ seklu ’l hawn, u m’għandux għeruqu lura sa Pietru. Għal din l-affermazzjoni skoprejna evidenza kotrana fl-istorja. Allura ma nista’ qatt nammetti li l-papa ta’ Ruma huwa l-kap tal-knisja, maħtur minn Kristu, meta dan ma kienx veru mill-bidu.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax l-unika awtorità infallibbli fuq l-art hi l-Iskrittura Mqaddsa, u mhux il-papa jew il-maġisteru. Tul l-istorja ngħatawlna bosta istanzi meta l-papa żbalja u kkontradixxa papa ieħor, u l-knisja inġenerali mhux darba jew tnejn żbaljat fid-deċiżjonijiet tagħha, pereżempju fit-Tieni Konċilju ta’ Niċea, meta approvat il-venerazzjoni tal-ikoni, u konċilji oħra warajh.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax id-dnub hu mifrux fost l-umanità kollha (Rum.3:23), bl-eċċezzjoni ta’ Ġesù Kristu. Ommu Marija, li fil-Kattoliċeżmu Ruman hi miżmuma dommatikament bħala mnissla bla dnub, ammettiet illi hi wkoll ħtieġet lil Alla bħala s-Salvatur tagħha (Lq.1:47). Din id-dottrina ma kinitx magħrufa fl-ewwel sekli tal-knisja, u mqar sal-Medju Evu kien hemm nuqqas ta’ qbil serju dwarha fost il-Kattoliċi Rumani.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax qatt ma nista’ nilqa’ u wisq inqas nemmen sinċerament ħwejjeġ, pronunzjati bħala dommi tal-fidi, bħalma hi l-ħrafa li Marija, omm Ġesù, ittellgħet is-sema bir-ruħ u l-ġisem. Lanqas ma jista’ jiġi provat illi baqgħet verġni ħajjitha kollha (Mt.12:46-40; Gal.1:19) Kif qal R.C. Sproul: “Meta d-dottrini ma jinstabux fil-Bibbja jew fil-knisja bikrija, imissna nkunu suspettużi mill-oriġini tagħhom.”
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax Alla jsejjaħ u jippriżerva lil niesu tul il-ġenerazzjonijiet bil-fidi, u mhux bl-hekk imsejħa “suċċessjoni appostolika.” Il-Knisja Kattolika Rumana, mal-Knisja Ortodossa Griega u l-Knejjes tal-Lvant jikklejmjaw konnessjoni istituzzjonali mal-knisja antika. Imqar jekk dan il-klejm hu validu, ma jagħti ebda prova tal-awtorità ta’ dik il-knisja partikolari: il-Bibbja tinnega dan (Mt.3:8-9). Alla ma jippriżervax lill-knisja tiegħu b’legat li jintiret f’istituzzjoni, jew minħabba katina ta’ ordinazzjonijiet (Rum.2:28-29). Imqar jekk l-Ortodossi jew l-Kattoliċi Rumani kellhom linja diretta u istituzzjonali li tieħu lura sal-appostli, dik il-linja la tivvalidahom u lanqas ma televahom fuq il-knejjes Protestanti. Knisja hi valida, mhux bis-sagramentaliżmu tagħha, iżda għax hi fidila għall-Bibbja.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax il-knejjes li waqqfu l-appostli kienu sempliċi fit-tmexxija tagħhom, b’sopristanti u djakni. L-istess mudell għandu jkun segwit illum. Il-ġerarkija komplikata, b’arċisqfijiet, kardinali, patrijarki u l-bqija, li żviluppat mas-sekli ma nsibu ebda awtorizzazzjoni għaliha fl-Iskrittura; aktar tixhed għad-dominanza u l-kburija umana milli għal servizz umli skont kif ħatar Kristu nnifsu (Mt.20:24-28).
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax nagħraf illi b’reazzjoni għar-Riforma, il-knisja fis-seklu sittax, flok ma rritornat lura għall-Kristjaneżmu appostoliku, jew almenu wriet rieda tajba billi provat teħles mill-erruri u akkrezzjonijiet medjevali, ikkodifikathom. Mhux talli ma rrestawratx il-fidi biblika meta kellha opportunità tad-deheb, iżda baqgħet bla ndiema. Flok tnaddfet, insistiet li tibqa’ maħmuġa dottrinalment.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax nirriġetta l-klejm arroganti u evidentement żbaljat ta’ maġisteru, ġerarkija jew suċċessjoni appostolika infallibbli. Il-knisja, anke fl-ogħla mexxejja tagħha, hi suġġetta għall-iżball. Kif jgħid Francis Turretin: “L-awtorità tal-knisja hi ministerjali, mhux maġisterjali.” Il-knisja jmissha sservi l-Kelma, mhux tiggverna fuqha.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax nagħraf l-importanza illi l-qima tkun regolata mill-Iskrittura, u mhux wirja stravaganti ta’ estetika, pompa splendenti u formaliżmu organizzat. Kalvinu sewwa jwissi: “Alla ma japprova ebda mod ta’ qima jekk mhuwiex espressament sanzjonat mill-Kelma tiegħu.” Il-qima aċċettabbli hi gvernata mill-Bibbja, mhux mit-tradizzjonijiet umani.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax il-Bibbja tgħallem regolarment, u bla eċċezzjoni, illi t-talb għandu jkun indirizzat lil Alla waħdu. Ma tagħti ebda ħjiel li jista’ jsir talb lil Marija, lill-qaddisin, lill-anġli jew lill-mejtin.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax inwarrab il-purċissjonijiet, relikwi u festi kmandati, bħala wħud mill-bosta tradizzjonijiet li l-Bibbja ma tapprovahomx, u allura lanqas jien ma napprovahom.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax nafferma illi s-salvazzjoni hi permezz ta’ Kristu waħdu, mingħajr il-medjazzjoni ta’ Marija u l-qaddisin. Talb u venerazzjoni lill-qaddisin joskuraw ir-rwol uniku tas-Salvatur Ġesù. Marija la hi medjatriċi u lanqas koridentriċi. L-interċessur fis-sema għan-nom tal-fidili huwa wieħed, Ġesù (Ġw.14:6; 1 Tim.2:5; Ebr.7:25). Jekk nirrikorri għand ħaddieħor inkun qed niddubita jew ninsa s-suffiċjenza ta’ Kristu, xi ħaġa li ma nissograx nagħmilha.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax ma nemminx illi tribunal uman kapaċi jiddixxerni min hu tabilħaqq qaddis jew mhux. Il-proċessi ta’ kanonizzazzjoni huma invenzjoni medjevali. Il-Protestanti la jelevaw lil xi ħadd bħala qaddis u lanqas jagħtu t-titlu ta’ qaddis lil xi ftit mill-fidili, għax għalihom il-fidili kollha huma qaddisin (Fil.1:1), maħsulin bid-demm ta’ Kristu, u msejħa għal imġiba qaddisa (Rum.1:7).
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax nemmen illi t-tpattija ta’ Kristu fuq is-salib saret darba għal dejjem, u hi totalment suffiċjenti għall-maħfra attwali u permanenti tad-dnubiet. Jien maħfur, u naf li jien maħfur – għal dejjem! (Kol.2:13-14; Ebr.10:17; 1 Ġw.2:12). La għandi għalfejn nagħmel penitenzi, la tewbiet u lanqas tpattija personali għal dnubieti. Frattant dil-maħfra hi barka li tibqa’ inċerta fis-sistema Kattolika Rumana, għax tiddependi finalment fuq il-prestazzjoni tal-individwu, mhux fuq is-sagrifiċċju tal-Ħaruf t’Alla.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax inweġġaħ lil Kristu u nonora l-effettività tas-sagrifiċċju tiegħu għalija, tant illi immedjatament wara mewti jilqagħni fil-preżenza tiegħu fil-ġenna (Lq.23:42-43; 2 Kor.5:8). Bħalma afferma John Owen: “Mal-mewt, ir-ruħ tal-fidil hi magħmula perfetta fil-qdusija u immedjatament tgħaddi għall-glorja.” Niċħad mela l-bżonn ta’ purgatorju. Kristu diġà ppurifikani b’demmu stess, u jien milqugħ minn Alla (Ebr.1:3; 1 Pt.2:24-25; 3:18). Il-purgatorju – stat fittizju wara l-mewt popolari fil-filosofija, il-paganiżmu u r-reliġjonijiet orjentali – jimplika li t-tbatijiet ta’ Kristu ma kinux biżżejjed biex inaddfu lill-fidili mid-dnub (Ebr.10:14). Kwalunkwe proċessi intermedji jew mertu uman inkwantu l-maħfra jew tindif tar-ruħ jinnegaw l-evanġelju.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax ma nista’ qatt nilqa’ l-abbużi sfaċċati u l-isfruttament li saru bid-dottrini fażulli tal-ġublew, it-teżor tal-mertu u l-indulġenzi, li għadhom isiru sal-lum. Il-Kattoliċeżmu Ruman kkorrompa l-vanġelu bil-bejgħ tal-indulġenzi, li għadhom operattivi u promossi (KKK. para.1471-9). L-Inkwiżizzjoni, l-indulġenzi, u l-Pornokrazija, fost ħwejjeġ oħra, jagħtu evidenza kotrana illi l-knisja mhijiex infallibbli, kif tisħaq Ruma. Sewwa qal R.C. Sproul: “L-istorja tal-knisja turina illi ebda istituzzjoni umana ma tista’ tikklejmja l-perfezzjoni.” Il-mudell għall-knisja nsibuh fil-Bibbja, mhux f’xi tradizzjoni istituzzjonali jew fl-awtorità umana.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax meta nistudja l-istorja tal-knisja kattolika (universali) mill-bidu s’issa, dak li hu abjad nista’ b’kuxjenza tajba nsejjaħlu abjad, u l-iswed iswed, bla tqanżiħ, bla ekwivoċità jew eżitazzjoni. Billi nemmen li l-knisja hi fallibbli, nista’ nitgħallem mill-iżbalji tal-passat (il-Kruċjati, l-Inkwiżizzjoni Medjevali, Spanjola u Rumana, il-persekuzzjoni minn Insara kontra Nsara oħra, eċċ.) filwaqt li nammira u nfittex nimita nies mill-era patristika, medjevali u moderna li tabilħaqq emmnu l-evanġelju u għexuh bl-imħabba.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax il-Kattoliċeżmu Ruman ikompli jħaddan l-iżball avolja jaf li hu żball. U żball antik xorta waħda jibqa’ żball. Pereżempju, jinsisti fuq iċ-ċelibat mandatorju għall-kleru; dan mhuwiex bibliku u storikament wassal għal ħafna abbużi (1 Tim.3:2; 4:1-3).
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax il-knisja hi l-ġabra tal-fidili, l-għadd sħiħ tal-magħżulin t’Alla, mhux ġerarkija istituzzjonali. Kif qal R.C. Sproul: “Il-knisja hi l-komunità tal-mifdija, mhux il-mezz tal-fidwa.” Mhijiex id-dispensatriċi tal-grazzja, jew l-għalliema li għandha awtorità finali biex tiddefinixxi d-dottrina infallibbilment, kif insibu fil-Kattoliċeżmu Ruman.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax Kristu ħalla żewġ sagramenti lill-knisja tiegħu. Tul is-sekli l-għadd tas-sagramenti varja estremament, bla ma kien hemm kunsens jew unanimità fil-fehma, iżda l-magħmudija u l-Ewkaristija kienu dejjem magħrufa bħala sagramenti maħtura minn Kristu, speċjalment għal niesu, differenti fil-kwalità u s-sinifikat mill-bqija. ll-formulazzjoni ta’ seba’ sagramenti bdiet tidher fis-seklu tnax fil-kitbiet ta’ Pietru Lombard u ġiet dommatikament rikonoxxuta fil-Konċilju ta’ Trento fis-seklu sittax.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax nemmen illi t-twelid mill-ġdid hu l-att sovran tal-Ispirtu s-Santu (Ġw.3:1-8), u mhuwiex marbut b’mod riġidu mal-magħmudija, hekk illi l-magħmudija tirriġenera minnha nfisha (At.10:44-48). Il-magħmudija hi marbuta intimament mal-fidi fi Kristu, u l-fidi fi Kristu hi r-riżultat tat-twelid mill-ġdid (1 Ġw.5:1).
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax nemmen illi wieħed hu obbligat jemmen l-evanġelju, imbagħad jitgħammed (Mk.16:15-16; At.2:41; 8:12; 18:8). Magħmudija mingħajr fidi hi rit battal u bla siwi, għaldaqstant il-magħmudija tat-trabi hi prattika żbaljata. Avolja ħafna Protestanti jgħammdu t-trabi, għandi l-libertà biex nafferma illi din ma kinitx il-prattika tal-knisja mill-bidu, bħalma wkoll ninsisti illi l-immersjoni hi l-metodu korrett għall-amministrazzjoni ta’ dan is-sagrament.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax l-Ewkaristija hija maqluba f’sagrifiċċju propizjatorju fil-Kattoliċeżmu, minflok mhi miżmuma bħala kommemorazzjoni ta’ Kristu, li fiha l-fidili huma mitmugħa minnu spiritwalment u bil-fidi, mhux karnalment u litteralment.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax ma nilqax id-dottrina tat-transustanzjazzjoni, għas-sempliċi raġuni li mhijiex appostolika, hi inkonsistenti mal-Iskrittura, u timmina l-finalità tas-sagrifiċċju ta’ Kristu.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax nemmen illi Ġesù hu fiżikament glorifikat fl-ogħla smewwiet, mnejn qed nistennewh jirritorna fl-aħħar jum. Ma jinsabx allura magħna fl-ostja jew fit-tabernaklu, iżda hu preżenti magħna permezz tal-Ispirtu. Nadurawh fejn jinsab, fuq il-leminija tal-Missier (Kol.3:1-4).
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax is-sagrifiċċju storiku ta’ Bin Alla fuq il-Kalvarju huwa suffiċjenti u effettiv għas-salvazzjoni ta’ kull min jemmen fih, bla m’għandu bżonn ikun perpetwat, magħmul preżenti, imgedded, irrappreżentat mill-ġdid, jew applikat minn qassis uman għall-fidili. L-Ewkaristija hi komunjoni spiritwali ma’ Kristu. Hu żball jekk ngħidu li tassigura l-preżenza kontinwa u l-applikazzjoni tas-sagrifiċċju tiegħu matul il-ġenerazzjonijiet meta dawn diġà huma realtajiet imbierka.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax, kuntrarju għall-affermazzjoni Kattolika, l-opra tal-fidwa tagħna seħħet, darba għal dejjem (Ebr.5-10). Issa hi applikata lilna mill-Ispirtu s-Santu, li jwassalna għall-fidi ħajja fi Kristu. Ma sseħħx kull darba li ssir il-quddiesa (ara KKK. para.1364), għax Kristu, filli miet, miet darba għad-dnub (Rum.6:10), u ladarba rxoxta, huwa ħaj għal dejjem, u l-mewt ma ssaltanx aktar fuqu (Riv.1:17-18).
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax iċ-ċelebrazzjoni xierqa taċ-Ċena Mqaddsa għandha ssir kemm bil-ħobż kif ukoll bl-inbid. Iċ-ċaħda tal-inbid lil-lajċi, abbuż u inġustizzja sfaċċata lejn il-fidili, taf l-oriġini tagħha fl-era superstizzjuża tal-Medju Evu. Ix-xhieda Patristika turi fiċ-ċar illi fl-ewwel sekli l-fidili kienu jieħdu sehem miż-żewġ elementi, kif ordna Sidna Ġesù.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax nemmen illi, filwaqt li s-sagramenti hemm posthom u l-knisja hi arrikkita bihom, il-mezz primarju biex nikbru fil-grazzja hu x-xandir u l-ippritkar espożittiv tal-Bibbja Mqaddsa. Fiċ-ċentru tal-knisja Alla jrid pulptu, mhux artal, għax is-salvazzjoni hi mitmuma, u jeħtieġ tkun proklamata lill-mitlufa u mgħallma lid-dixxipli.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax il-grazzja divina hi b’xejn, għotja bla meritata mingħand Alla, mentri fis-sistema Kattolika, bis-sagramenti u l-penitenzi, il-grazzja hija kkondizzjonata fuq l-azzjonijiet umani (Rum.11:6). Kif jgħid Francis Turretin: “Il-grazzja ma tistax titħallat mal-opri umani mingħajr ma tinqered in-natura tagħha.” Il-grazzja ma taslilniex bir-ritwali, iżda direttament mingħand Alla permezz tal-fidi.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax irrid nilqa’ u nobdi l-kmandamenti kollha t’Alla, bla ma nibdel il-liġi morali tiegħu. Fil-Kattoliċeżmu Ruman dan hu impossibbli għax il-venerazzjoni tax-xbihat u l-ikoni hija obbligu, minkejja l-kmand espliċitu biex ma nagħmlux xbihat minquxa bil-ħsieb li nużawhom għal skopijiet reliġjużi (Es.20:4-5). Hu abbuż serju kif maż-żmien il-Kattoliċi eliminaw it-tieni kmandament u qasmu l-aħħar wieħed fi tnejn. Nafu fiż-żgur illi x-xbihat ġew introdotti qajl qajl fil-knisja mal-medda taż-żmien, xi ħaġa kważi inevitabbli għax, bħalma qal Kalvinu, “in-natura tal-bniedem hi, biex ngħidu hekk, fabbrika perpetwa tal-idoli.” Iżrael fl-antik safa invażat bl-idoli, u l-istess ġralha parti kbira mill-knisja universali. Bħala Protestant irrid nirreżisti dan l-influss idolatruż, u hekk nonora lil Alla li inkludieni fil-patt miegħu.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax bħala moviment ta’ tiġdid fil-knisja universali l-Protestantiżmu joffri ritorn għall-Bibbja bħala l-awtorità suprema, jisħaq fuq salvazzjoni bil-grazzja biss, permezz tal-fidi fi Kristu, u jippromwovi qima ċċentrata fi Kristu u permezz tiegħu, ħielsa minn tradizzjonijiet li nibtu u kibru maż-żmien. Bħala Protestant ma narax lili nnifsi bħala wieħed li nqtajt mill-Kristjaneżmu veru, iżda bħala wieħed li ma’ ħuti skoprejtu f’dinamika aqwa għal ruħi, fi glorja isħaħ u f’milja aktar sinifikanti.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax irrid nenfasizza l-unità u l-kattoliċità tal-knisja, iċċentrata fuq il-Bibbja Mqaddsa. Inħares lejn ir-Riforma Protestanta bħala kontinwazzjoni u sforz kuraġġjuż għall-purifikazzjoni tal-knisja waħda, qaddisa, universali u appostolika, aktarx milli qtugħ minnha. Ir-Riforma ma bdietx knisja ġdida, iżda naddfet il-qadima. Daqskemm nemmen illi l-knisja hi fallibbli u kapaċi tidħol fi sqaqien, nemmen illi Sidha kapaċi wkoll jistejqirha, jagħtiha nifs ġdid ta’ ħajja, u jassistiha ħalli timxi bla eżitazzjoni fit-triq id-dejqa.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax bħalma nħobb lill-Għarus inħobb ukoll l-għarusa tiegħu, il-knisja. Il-Protestantiżmu veru għandu għeruqu fond fil-ħajja ta’ Kristu kif espressa permezz tal-knisja tiegħu fuq l-art (dawk li ġenwinament jafdawh u jobduh), aktarx milli hu definit b’innovazzjonijiet dottrinali jew movimenti reazzjonarji kontra l-universalità tal-knisja u l-kmand espliċitu ta’ Kristu.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax inħaddan viżjoni qalbiena u dinamika tal-fidi tiegħi, bl-għeruq fl-istorja. Bħalma għamlu r-Riformisti, infittex nirkupra l-għana storika u sagramentali tal-fidi, mingħajr ma nċedi ċ-ċentralità tal-Kelma Mqaddsa t’Alla. Billi nisħaq fuq il-Kristoċentriżmu, l-unità ekkleżjali u l-kontinwità storika, irrid nisfida t-tendenzi individwalistiċi u l-identità frammentata ta’ ħafna mill-Kristjaneżmu modern.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax il-Protestantiżmu hu l-aħjar mogħdija disponibbli għall-kattoliċità ġenwina. Filwaqt li għandu ekkleżjoloġija b’saħħitha, dawn il-borduri mhumiex determinati istituzzjonalment. Il-knisja tinsab kull fejn Kristu hu preżenti fil-Kelma u s-sagramenti, allura nagħraf u nirrikonoxxi lil ħuti Kristjani oħra, avolja jinsabu fi tradizzjonijiet diversi u f’denominazzjonijiet differenti, bħalma wkoll fil-Kattoliċeżmu Ruman u fl-Ortodossija.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax dil-pożizzjoni hi l-iżjed waħda ġeneruża u b’qalb miftuħa li kapaċi nadotta lejn Kristjani oħrajn illum, bit-tikketti li bihom huma magħrufa. Hi l-perspettiva l-iktar fidila għax-xhieda tal-Patt il-Ġdid (Mt.7:15-20; 12:22-33; Mk.9:38-41; 1 Kor.12:3). Hi l-perspettiva illi tagħmel saltnet is-smewwiet kbira fuq l-art, lil hinn minn fruntieri artifiċjali maħluqa mill-bniedem. Meta wieħed jadotta pożizzjoni esklussivista għall-knisja li jinsab fiha hu, bħala l-unika knisja awtentika, ikun qed ibarri Kristjani oħra mis-saltna meta difatti jinsabu fiha. Il-Protestantiżmu jisħaq illi ebda knisja m’għandha l-monopolju fuq il-Kristjaneżmu.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax inħares lejn il-Protestantiżmu bħala tentattiv, avolja imperfett, biex jitneħħew l-akkrezzjonijiet storiċi illi trabbew mal-knisja, bħalma l-koċċli jeħel mal-karina ta’ bastiment. Il-Protestantiżmu mhuwiex ħolqien ta’ knisja ġdida u bla għeruq, iżda l-fidi antika f’postura ta’ bidla dinamika u riforma meħtieġa.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax ir-Riformisti għamluha ċara illi xtaqu jippriżervaw il-knisja u jiggwidawha lura għas-sempliċità ta’ qima u profondità tal-fidi kif mogħtija lill-qaddisin darba għal dejjem (Ġuda 3). Ipprotestaw biss kontra d-devjazzjonijiet mill-kattoliċità u d-dottrina biblika, u l-aktar importanti riedu jiċċaraw l-evanġelju illi aħna ġustifikati bil-fidi fi Kristu apparti mill-opri tal-liġi (Rum..3:28).
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax dan hu l-atteġġjament l-aktar sensibbli, għaref u għaqli. Hekk kapaċi nħaddan il-milja tal-knisja u fl-istess ħin inżomm sħiħ max-xhieda tal-Patt il-Ġdid għad-depożitu appostoliku. Bit-tali attitudni nista’ wkoll inwettaq l-obbligi ta’ mħabba u unità, kif ukoll id-dmirijiet tal-kuxjenza u l-verità.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax din it-tradizzjoni teoloġika u ekkleżjali hi l-iżjed universali u l-aktar biblika mill-branki kollha maġġuri tal-Kristjaneżmu mondjali. Hekk m’għandix għalfejn nemmen dommi li huma evidentement foloz (bħalma hi l-Assunta) jew ningaġġa f’devozzjoni li mhijiex appostolika (bħalma hi l-venerazzjoni tal-ikoni).
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax hekk m’għandix għalfejn nanatemizza jew nisħet lil dawk li jħaddnu t-tali tradizzjonijiet, avolja ninsab tassew ikkonċernat dwarhom, u nixtieq u naħdem biex iċeduhom ħalli jgawdu aktar u aktar ir-rikkezzi insondabbli fi Kristu Ġesù.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax dejjem u f’kull każ nista’ nirsisti biex ma’ ħuti negħleb l-imperfezzjonijiet u d-dgħufijiet tagħna. Liberament nammetti li l-Protestantiżmu, imqar fl-aħjar u l-ogħla espressjonijiet tiegħu, mhuwiex perfett. Fejn żvijajna nistgħu umilment nisimgħu, nindmu u nimmiljoraw. Nistgħu nitgħallmu mqar mingħand ħutna fi tradizzjonijiet non-Protestanti.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax il-glorja kbira u leqqiena tal-Protestantiżmu hija l-fokus fuq is-sempliċità u ċ-ċarezza tal-vanġelu. Hu strutturat bla ħabi u bla skuża fuq il-persuna u l-missjoni ta’ Ġesù Kristu nnifsu. Il-Kattoliċeżmu Ruman u l-Ortodossija Griega abbli jaqblu magħna hawnhekk, almenu fil-prinċipju, iżda tant issupplimentaw ritwal, ċerimonji u ħwejjeġ oħra mal-vanġelu illi oskurawh u satruh. Il-Marjoloġija, l-indulġenzi u talb lill-qaddisin huma ftit eżempji. Ħafna u ħafna nies f’dawn it-tradizzjonijiet għandhom il-vista tal-fidi mċajpra u sfokata minħabba akkrezzjonijiet bla bżonn. Il-Protestantiżmu jżomm il-vanġelu luċidu, fondamentali u ċentrali.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax nithenna fl-assigurazzjoni tas-salvazzjoni mogħtija lilna. Il-Bibbja teżorta lill-fidili biex jibqgħu jiġru t-tiġrija tal-fidi mqiegħda quddiemhom, filwaqt li taċċertahom u tagħtihom konfidenza illi ladarba Alla sejħilhom għad jigglorifikahom ukoll (Fil.1:6; Rum.8:28-39; Ġuda 24-25). Kull branka oħra tal-Kristjaneżmu ċċaħħadni minn dil-barka ineffabbli, li mhux talli ma tħajjarx għall-antinomjaniżmu, iżda għall-kuntrarju timmotiva lill-Kristjan għall-qima aktar elevata u servizz grat.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax hekk biss nista’ nevita t-trijonfaliżmu. Storikament il-Kattoliċi Rumani seħtu lill-Protestanti; reċentement biss bdew jirreferu għalihom bħala “aħwa mifruda.” Fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm (1672) l-Ortodossi uffiċċjalment ippronunzjaw anatema fuq ħuthom Protestanti, u għadhom b’din id-deċiżjoni sal-lum. Matul il-ġenerazzjonijiet il-Protestanti għarfu bla eżitazzjoni illi l-knisja ta’ Kristu hi usa’, wisq usa’ minnhom infushom.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax mal-bqija tal-Insara b’ismijiet, laqmijiet u tikketti oħra nistqarr il-Kredijiet ekumeniċi tal-antik – il-Kredu tal-Appostli, il-Kredu Niċen, il-Kredu Niċen-Kostantinopolitan, il-Kredu Atanasjan, u l-Kredu ta’ Kalċidonja – ġabriet fil-qosor tat-twemmin bażiku u bibliku tagħna, li bihom nistqarru l-fidi tagħna f’Alla Trinità u fil-ġrajjiet storiċi li minnhom sponta l-Kristjaneżmu.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax inżomm lura minn attitudnijiet negattivi. Naf li l-kwistjonijiet li jiddividu l-Kristjaneżmu mhumiex sempliċi. Issib teologi kif ukoll nies intelliġenti u sinċiera fil-kamp Protestant, Kattoliku u Ortodoss. Il-pożizzjoni Protestanta tgħinni nibqa’ separat minn kull devjazzjoni dottrinali u morali, nibqa’ umli u dipendenti fuq il-grazzja t’Alla, bla ma nillimitaha għad-denominazzjoni tiegħi, anzi nifraħ u nithenna li l-Mulej iwassalha fil-qlub ta’ bosta nies oħra.
- Jien Protestant, u mhux Kattoliku Ruman, għax wara li għal tul ta’ snin ddedikajt ħajti għax-xandir tal-evanġelju u t-tagħlim tal-Bibbja, u wara li investigajt l-istorja tal-knisja, u wara li studjajt u għarbilt l-aħjar argumenti tal-aħjar apoloġisti Kattoliċi biex iħajru lil ħaddieħor jingħaqad mal-komunità ekkleżjali li għaliha jappartienu, xorta waħda m’iniex konvint li għandi mmur lura. Għall-kuntrarju, aktar nintebaħ kemm il-Mulej fi ħnientu gwidani, u kemm huwa veru illi finalment il-Bibbja, mifhuma b’umiltà, bi studju u riflessjoni, hi musbieħ għal riġlejja u dawl għall-mogħdija tiegħi.
Din hi essenzjalment id-difiża tiegħi għala nippreferi bil-wisq iżjed il-Protestantiżmu u ħallejt warajja l-Kattoliċeżmu Ruman. Għadni nsegwi lil Sidi Ġesù bħala dixxiplu, ingawdi l-ferħ tas-salvazzjoni mogħtija lili, naqdih bla intimidazzjoni, nikber fit-tagħrif u l-grazzja tiegħu, u xewqan biex ħaddieħor jagħraf ir-rikkezzi bla tarf li jinsabu fih, sakemm jasal il-jum meta nara lill-Feddej u Mulej tiegħi wiċċ imb wiċċ, lil dak li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.