kNjdcDHAZI

L-Istorja tal-Bibbja Maltija

Meta nindagaw fl-istorja tal-knisja malajr nintebħu kif in-nies t’Alla dejjem ikkonsidrawha bħala neċessità illi jkollhom il-Bibbja tradotta fi lsienhom stess, peress li hi l-bażi tat-twemmin Nisrani.

Għal ħafna sekli, fil-każ tal-poplu Malti, il-Bibbja kienet aċċessibbli biss għall-edukati, peress li kienet disponibbli b’mod limitat bil-Latin. Speċjalment mar-Riforma Protestanta tnisslet l-ambizzjoni biex il-Bibbja tiġi tradotta fil-vernakular. B’ritmu mgħaġġel bdiet tidher f’ilsna differenti mal-Ewropa kollha.

F’Malta dil-ħolma damet ma ġiet realizzata. Meta nsiru nafu minn xiex għaddew missirijietna biex tawna l-Iskrittura f’ilsienna, imbagħad ngħożżuha u napprezzawha iżjed bħala l-Ktieb imprezzabbli t’Alla, indispensabbli għall-ħajja spiritwali tagħna. Hekk nesprimu gratitudni sħiħa lejn Sidna Ġesù talli għoġbu jwasslilna Kelmtu, li hi spirtu u ħajja, f’lingwa li nistgħu nifhmuha faċilment.

Il-Malti hu lingwa Semitika b’influwenzi u vokabularju sinifikanti derivati mit-Taljan u l-Ingliż. Sar lingwa miktuba relattivament tard fl-istorja. L-istandardizzazzjoni ta’ lsienna bdiet fis-seklu dsatax, meta wkoll bdew jidhru xogħlijiet letterarji, fosthom it-traduzzjoni tal-Bibbja.

Fl-ewwel ftit sekli l-gżejjer Maltin kienu taħt il-ġurisdizzjoni ekkleżjastika Biżantina, u aktar tard waqgħu taħt is-sorveljanza Rumana. Kmieni fil-Medju Evu l-poplu Malti kien formalment Kattoliku, imbagħad mal-miġja tal-Għarab tard fis-seklu disgħa, bil-mod il-mod qaleb għall-Iżlam, almenu sal-miġja tan-Normanni (1091). Il-Malti hu attwalment djalett Għarbi li fl-istadji bikrija tiegħu ddakkar mill-Isqalli.

L-identità Kattolika Rumana ta’ Malta storikament sawret il-prattiċi u testi reliġjużi. Il-Latin kien il-lingwa liturġika primarja, u l-Vulgata kienet il-Bibbja aċċettata. It-Taljan sikwit serva bħala l-lingwa tal-eruditi, kif ukoll għall-istudju tal-Iskrittura u t-teoloġija.

Fis-sekli sbatax u tmintax, filwaqt li ma kellna ebda traduzzjoni eżistenti tal-Bibbja, saru tentattivi biex jiġu tradotti għall-Malti almenu xi partijiet minnha, partikolarment is-Salmi u l-Erba’ Vanġeli, bi skopijiet ta’ katekeżi. Dawn l-isforzi kien sikwit informali u qajla disseminati. Il-ftit sforzi li saru baqgħu f’għamla ta’ manuskritti, bla ma twasslu għall-istampa. Il-Malti ma kienx għadu żviluppa f’lingwa letterarja. Għaldaqstant kwalunkwe sforz ta’ traduzzjoni kien ikun inkonsistenti u sikwit limitat fl-iskop.

Il-Knisja Kattolika f’Malta, fi qbil mat-tradizzjonijiet Kattoliċi usa’, kienet kawta u sikwit suspettuża dwar traduzzjonijiet vernakulari tal-Bibbja. Il-karatteristika tipika tagħha kienet illi regolarment tesprimi l-biża’ u t-tħassib tagħha li t-tali traduzzjonijiet setgħu jwasslu għal interpretazzjonijiet foloz, jew inkella jimminaw l-awtorità tagħha bħala għalliema. Hekk jew hekk, it-tradutturi prospettivi la kellhom appoġġ istituzzjonali u lanqas ir-riżorsi intellettwali biex jipproduċu Bibbja Maltija kompluta, u aċċettata ġeneralment.

Dawn it-tentattivi bikrija ma produċew ebda Bibbja Maltija, iżda wittew it-triq għat-traduzzjoni iżjed tard billi wrew il-potenzjal li l-Malti jiġi utilizzat għall-Bibbja u testi teoloġiċi oħra. Inkuraġġew ukoll l-iżvilupp tal-lingwa Maltija, u fuq kollox biex jasal għal ortografija standard. Finalment, it-tali tentattivi primittivi ispiraw tradutturi fil-futur.

Traduzzjonijiet Protestanti

Qabel ma waslu l-Ingliżi f’pajjiżna (1800), il-Bibbja f’Malta kienet biss bil-Latin, u tinsab fil-pussess esklussiv tal-kleru Kattoliku u forsi xi nobbli. Il-kleru ddomina x-xena reliġjuża. Għalkemm naqraw xi ġrajjiet dwar kif xi wħud xandru tagħlim pjuttost bibliku, madankollu ma nsibu ebda ħjiel li ġiehom f’moħħhom jaqilbu l-Bibbja bil-Malti.

Mal-miġja tal-Ingliżi, missjonarji Protestanti tefgħu l-attenzjoni tagħhom fuq Malta għal żewġ raġunijiet ewlenin. L-ewwel nett komunità ġdida ta’ Protestanti Ingliżi, nies militari u ċivili, stabbiliet ruħha bil-mod il-mod f’pajjiżna. Barra minn hekk, dawn il-ħaddiema għal saltnet Alla bdew iqisu lil Malta bħala għatba ideali biex l-evanġelju glorjuż ta’ Kristu jippenetra fil-Mediterran kif ukoll fl-Afrika ta’ Fuq. Lil Malta stmawha bħala bażi mhux biss militari iżda wkoll reliġjuża ghat-tixrid tad-dottrina Nisranija evanġelika.

Mhux għaġeb, mela, nisimgħu b’soċjetajiet missjonarji jinbtu fostna ftit wara l-pussess tal-gżejjer mill-Imperu Ingliż. Fosthom insemmu l-London Society of Missionaries, il-Wesleyan Missionaries, is-Society for Promotion of Christian Knowledge, u l-American Board of Missionaries.
Dehret ukoll iċ-Church Missionary Society. Taħt it-tmexxija dinamika u għaqlija ta’ William Jowett (1787-1855), kienet bil-qabda l-iżjed attiva u rnexxielha testendi l-attivitajiet tagħha ’l barra minn xtutna sal-Indja, il-Krimea u l-Eġittu. Is-soċjetà kienet mistiedna twaqqaf l-uffiċċju tagħha f’Malta minn Dr. Cleardo Naudi (1781-1837), tabib pijunier Malti, kimiku u akkademiku li għandu d-distinzjoni li serva bħala l-ewwel Professur tal-Kimika fl-Università. Il-kontribuzzjonijiet tiegħu fil-kamp xjentifiku, edukattiv u mediku huma impressjonanti.

Il-kjeriku u missjonarju Jowett kien għadu żagħżugħ meta ġie Malta fl-1816. Kien ħawtiel, ċert minnu nnifsu, bla ma jaqta’ qalbu u determinat. Huwa notevoli għall-isforzi bikrija biex iferrex il-Kristjaneżmu Protestant u jittraduċi porzjonijiet tal-Bibbja fir-reġjuni madwar il-Mediterran, inkluża Malta.

Jowett għaraf il-potenzjal illi jinqeda bil-lingwa Maltija ħalli jikkomunika l-messaġġ Nisrani lill-poplu Malti u lil hinn minnu, partikolarment fl-Afrika ta’ Fuq, minħabba l-għeruq Semitiċi tiegħu. Ikkollabora ma’ skulari lokali u produċa traduzzjonijiet ta’ testi bibliċi u letteratura Kristjan oħra għall-Malti. Il-Vanġelu skont Ġwanni kien wieħed mill-ewwel frottijiet ta’ ħidmietu, ippubblikat bl-appoġġ tal-British and Foreign Bible Society.
Jowett emmen fl-importanza tal-edukazzjoni bħala għodda biex il-Kristjaneżmu bibliku jilħaq lill-poplu Malti. Inkuraġġiehom jitgħallmu jaqraw. Għaraf illi l-aċċess tagħhom għall-Bibbja u testi oħra fil-lingwa lokali jagħtihom il-privileġġ illi jingaġġaw direttament mat-tagħlim appostoliku, bla tkażbir jew tgħawwiġ tat-tradizzjoni Kattolika Rumana.

Ovvjament sab ukoll reżistenza, għax Malta kien Kattolika b’mod predominanti. L-awtoritajiet ekkleżjastiċi xammew l-influwenza Protestanta, intebħu bl-attivitajiet missjonarji, u saħansitra ġew f’idejhom kopji tal-Vanġelu skont Ġwanni bil-Malti. Is-suspett kiber, ġie kkonfermat, u l-isforzi ta’ Jowett u sħabu sfaw opposti bla kompromess. Xogħlu kellu impatt limitat fuq il-popolazzjoni, u hekk jew hekk ir-riżorsi tal-missjoni Protestanta kienu modesti.

Frattant il-Mulej għoġbu jinqeda bih biex ta bidu għall-ħidma siewja tat-traduzzjoni tal-Bibbja. L-ispirazzjoni u l-isforzi ta’ Jowett swew ħafna. Bl-għajnuna ta’ Naudi u ħbieb oħra, Ingliżi kif ukoll Maltin, waqqaf il-Malta Bible Society (iżjed tard magħrufa bħala Bible Society in Malta).
Wieħed mill-oġġettivi prinċipali tal-għaqda kien biex tħejji traduzzjoni tal-Bibbja bil-Malti, jew għall-anqas xi porzjonijiet minnha. Naturalment ma kinitx missjoni faċli. Kellhom jifformulaw alfabett Malti, jistabbilixxu regoli ortografiċi u grammatiċi, u jissieltu kontra l-injoranza u nuqqas ta’ edukazzjoni fost il-poplu. Fuq kollox kienu qed jaħdmu fost ġens mogħmi b’reliġjon li tbiegħdet mill-fidi appostolika, kif mixhuda fil-Patt il-Ġdid. Il-mexxejja reliġjużi lokali kienu preġudikati kontra l-Iskrittura u bla ebda ħajra biex javvanzaw ’il quddiem it-tagħrif pur ta’ Kristu Ġesù.
Minkejja kollox, id-determinazzjoni kienet hemm, u kull bidu hu naturalment diffiċli. Jowett ried jintroduċi l-poplu Malti, mitluf kif kien fi tradizzjonijiet fiergħa, għat-tagħrif tal-Bibbja, “li tista’ tagħmlek għaref għas-salvazzjoni li hi permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.” Mill-frott spiritwali li kellu jirriżulta, Jowett u sħabu ppjanaw biex imbagħad, minn Malta, missjonarji oħra setgħu jidħlu fl-Afrika ta’ Fuq bl-evanġelju ta’ Kristu.

Giuseppe Canolo (1819-22)

Nistgħu ngħidu li kien Dr Naudi li ġietu l-ewwel l-idea li jaqleb il-Bibbja sħiħa bil-Malti. Fl-1811 kien diġà pprepara abbozz tal-Evanġelju skont San Ġwann. Din l-inizjattiva, madankollu, sfumat u mietet fuq ruħ ommha.

Ix-xogħol beda bis-serjetà fl-1817 bl-assistenza attiva ta’ Giuseppe Canolo, bniedem semi-litterat. Minħabba li kien skonta sentenza ta’ jasar f’artijiet Musulmani, irnexxielu jaqbad l-Għarbi u ilsna Semitiċi oħra. Ħadem bħala interpretu tal-ilsiera Iżlamiċi meta l-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann kien għad kellhom lil Malta bħala darhom.

Dan l-Evanġelju ġie ppubblikat f’żewġ kolonni maġenb xulxin, waħda t-traduzzjoni Maltija u l-oħra l-verżjoni Taljana tal-Isqof Martini (1822). Kien wieħed mill-ewwel testi bibliċi stampati fi lsienna. Ir-rwol ta’ Canolo kien probabbilment bħala konsulent lingwistiku u kulturali, biex jiġi assigurat illi t-test tradott jirrifletti l-karatteristiċi idjomatiċi u sintattiċi tal-Malti filwaqt li tinżamm fedeltà lejn il-messaġġ bibliku oriġinali.
L-alfabett ta’ Canolo kien jinkludi karattri Għarab. L-istil u l-lingwa kienu kemm jista’ jkun iqarrbu lejn l-Għarbi. Canolo kompla jaqleb il-bqija tat-Testment il-Ġdid u saħansitra l-Qadim, iżda Jowett u l-kollegi tiegħu ma kinux sodisfatti b’xogħlu.

John Hookham Frere (1769-1846)

Frere kien diplomatiku, poeta u skular Ingliż, interessat ferm fl-istudju klassiċi u lingwistiċi. Ġie Malta fl-1821, fejn qatta’ l-bqija ta’ ħajtu, ingaġġat f’inizjattivi lokali u lingwistiċi. Appoġġja l-istudju u l-iżvilupp tal-lingwa Maltija, billi kkonsidraha bħala lsien Semitiku uniku u siewi. Stinka biex jistabbilixxi istituzzjonijiet edukattivi illi ppromwovew l-użu tal-Malti fit-tagħlim u l-amministrazzjoni.

Frere kellu konnessjonijiet mas-soċjetajiet missjonarji Protestanti, li kienu qed jieħdu inizjattivi biex jittraduċu l-Bibbja u testi reliġjużi oħra għall-Malti. Dan jispjega wkoll il-ħbiberija li kellu ma’ Vassalli. It-tnejn kienu appassjonati dwar il-lingwa Maltija u l-potenzjali tagħha bħala għodda għall-edukazzjoni u l-identità kulturali. Xogħolhom irrifletta l-impenn biex jagħmlu l-Malti aktar minn vernakular mitkellem; xtaqu jelevawh ukoll bħala lsien miktub u letterarju.

Bħala aristokratiku u Protestant, Frere qies l-iżvilupp tal-Malti minn perspettiva kolonjali u riforma fir-reliġjon. Vassalli, bħala intellettwali Malti, kien motivat minn viżjoni ta’ identità nazzjonali u indipendenza kulturali. It-tnejn operaw fl-istess ċirkoli intellettwali.

Image Not Found

Mikiel Anton Vassalli (1764-1829)

Illum magħruf popolarment bħala missier l-ilsien Malti, Mikiel Anton Vassalli kien skular tal-prima klassi, awtur ta’ Grammatika Maltija u Lessiku. Ippubblika wkoll Il-Ktieb tal-Katekiżmu bil-Malti, xogħol eċċezzjonali li bih prova jagħmel l-istruzzjoni reliġjuża aċċessibbli għall-poplu.

Il-katekiżmu segwa l-format tradizzjonali ta’ mistoqsija u tweġiba. Ikopri topiċi bħala hi n-natura t’Alla, l-Għaxar Kmandamenti, is-sagramenti, il-Kredu tal-Appostli, u tagħlim morali. Serva bħala għodda edukattiva f’soċjetà fejn it-Taljan u l-Latin ddominaw id-diskors reliġjuż u akkademiku.

Il-Knisja Kattolika kienet xettika dwar l-intenzjonijiet ta’ Vassalli, miftuħ kif kien għall-influwenzi Protestanti. Qisitu bħala theddida potenzjali għall-pożizzjoni tagħha. Hekk il-katekiżmu kien iċċensurat u sofra distribuzzjoni limitata minħabba oppożizzjoni ekkleżjastika.

Hekk jew hekk, il-Protestanti f’pajjiżna kellhom ambizzjonijiet ogħla. Jowett iltaqa’ ma’ Vassalli, li kien irritorna Malta wara għoxrin sena eżiljat, f’Marzu tal-1822. Ħataf l-opportunità u inkarigah biex jittraduċi t-Testment il-Ġdid. Vassalli ntefa’ fuq xogħlu bla telf ta’ żmien, u dam sitt snin biex lesta l-Erba’ Vanġeli u l-Atti, li kienu ppubblikati wara mewtu f’volum wieħed f’Lulju tal-1829.

Image Not Found

L-iskular Malti nqeda b’alfabett maħluq minnu nnifsu u segwa r-regoli spjegati fil-grammatika tiegħu stess. Il-paġna kienet maqsuma f’żewġ kolonni biswit xulxin, waħda t-test Malti, u l-oħra t-test tal-Vulgata.

Vassalli kien ixaqleb lejn l-użu ta’ Malti semitiku u introduċa karattri ġodda fl-alfabett tiegħu. Minħabba dawn iż-żewġ fatturi ħidmietu ma tantx gawdiet popolarità. Frattant wara mewtu s-Soċjetà ma setgħetx issib raġel kompetenti biex jissokta jittraduċi l-bqija tal-Bibbja.

Michael Angelo Camilleri (1814-1903)

Camilleri għex f’epoka meta Malta kienet fi transizzjoni minn sekli ta’ influwenza Ewropea Kattolika għall-ħakma kolonjali Brittanika. Minn kmieni wera ħila fil-lingwi u t-teoloġija. Laħaq saċerdot Kattoliku iżda aktar tard ikkonverta għall-Knisja Anglikana, u sar kommess biex jippromwovi l-ideali Protestanti f’kuntest estremament Kattoliku.

F’April tal-1842 twaqqfet id-djoċesi Anglikana ta’ Ġibiltà, b’George Tomlinson bħala l-ewwel isqof tagħha. Tomlinson qabbdu biex jittraduċi l-Book of Common Prayer. Kienet kisba fenomenali. Kien wieħed mit-testi reliġjużi komprensivi mill-aktar bikrija li ġie maqlub għall-Malti, biex hekk l-Anglikani Maltin setgħu jqimu fil-lingwa nattiva tagħhom. Ġie ppubblikat mis-Society for Promoting Christian Knowledge (1845). Dan kien jinkludi l-qari kollu tal-Bibbja u s-Salmi.

Aktar tard l-istess Soċjetà ppubblikat it-Testment il-Ġdid sħiħ imħejji mill-istess Camilleri (1847). Dan irreveda t-traduzzjoni ta’ Vassalli (l-Evanġelji u l-Atti) u ttraduċa l-bqija tat-Testment il-Ġdid. Fassal alfabett ġdid imsejjes fuq dak tal-Ingliż u mmodernizza l-istil u l-vokabularju ta’ Vassalli.
Camilleri kien parti minn mewġa dejjem tikber ta’ intellettwali Maltin li provaw jelevaw l-istatus tal-lingwa Maltija billi jippromwovu l-użu tiegħu fl-edukazzjoni, il-letteratura u testi reliġjużi. Stinka biex jagħti dimostrazzjoni oġġettiva illi l-Malti kien lingwa li kapaċi twassal ideat teoloġiċi u letterarji kumplessi, simili għal lingwi oħra. Din kienet ambizzjoni kruċjali f’epoka meta t-Taljan u l-Ingliż iddominaw bħala l-lingwi ta’ erudizzjoni u amministrazzjoni f’Malta.

Bħal predeċessuri tiegħu f’dan il-qasam, Camilleri sofra persekuzzjoni mill-kurja Kattolika. Tard f’ħajtu telaq lejn Weymouth, Dorset, fl-Ingilterra, fejn baqa’ sa mewtu. Bħala pijunier, l-influwenza tiegħu fuq l-istorja reliġjuża u lingwistika ta’ Malta kienet profonda.

British and Foreign Bible Society

Kellhom jgħaddu tletin sena qabel grupp ta’ rġiel fid-dockyard, mitfugħin b’qalbhom kollha biex jevanġelizzaw permezz tat-tixrid tal-Kelma mitbugħa, ħadu l-inizjattiva biex iħajru l-British and Foreign Bible Society tippubblika xi siltiet mit-Testment il-Ġdid. Kienu mmexxija minn Dr. George Wisely, ministru tal-Knisja Skoċċiża f’Malta, li wasal fostna fl-1854.

Imqanqla minn dawn l-irġiel, il-BFBS ippubblikat l-Evanġelju skont Mattew, Ġwanni u l-Atti tal-Appostli (1870-72). Ġew riveduti minn M.A. Camilleri fi xjuħitu. Il-lingwa għamilha iżjed kurrenti u ssimplifika l-ortografija. Il-promuturi ma kellhom ebda pretensjonijiet letterarji. L-għan kien sempliċement it-tixrid tal-evanġelju f’pajjiżna. Dawn l-edizzjonijiet f’daqs żgħir kienu stampati kemm-il darba sat-tletinijiet tas-seklu għoxrin.
Is-segretarju tal-World Evangelical Alliance ssuġġerixxa lill-BFBS biex tieħu l-inizjattiva u tippubblika l-Bibbja sħiħa bil-Malti (1912). Il-korrispondenza bdiet fi Frar bejn is-segretarju tal-WEA, Rev. G.A. Sim, is-suċċessur ta’ Rev. G. Wisely, issa rtirat iżda residenti f’Malta, u l-BFBS. Ir-riżultat ta’ dawn in-negozjati kien il-pubblikazzjoni tal-Vanġelu skont Marku bbażat fuq l-edizzjoni riveduta ta’ Camilleri fl-1847.

It-test tħejja mill-Professur Temi Zammit bl-għajnuna ta’ waħda Miss Jenkins. Biddel l-ortografija, u flokha uża dak tas-Società Filologica Maltese mgħallma fl-iskejjel. Issostitwixxa kliem u espressjonijiet antikwati.

Fl-1926, il-BFBS ippubblikat il-Ktieb tas-Salmi ppreparat mis-Sur J. Falzon, eks qassis Malti, residenti f’Tunis. Ma ħadimx mit-test Ebrajk, iżda fuq it-traduzzjoni Taljana ta’ Diodati mqabbla mal-Verżjoni Awtorizzata bl-Ingliż, il-Vulgata, u t-traduzzjoni qadima Maltija ta’ M.A. Camilleri.
Stabbilixxa l-prinċipji ortografiċi tiegħu. L-istil kien aktarx fqir iżda jinqara; ma kellu ebda ħajra biex xogħlu jkun ammirat bħala opra letterarja. Dax-xogħol kien l-aħħar pubblikazzjoni maħruġa bis-saħħa tal-BFBS. Dr. R. Kilgour, is-segretarju tas-Soċjetà, iddikjara li ma kellha ebda intenzjoni tkompli taħdem fuq dawn it-traduzzjonijiet.

“Id-domanda anke għal dawn il-porzjonijiet,” stqarret, “hi wara kollox limitata ħafna. Ninsab ċert li l-kumitat tagħna qatt mhu se jaħseb li jtemm il-Bibbja sħiħa f’dan id-djalett. Hekk jew hekk kważi dawk kollha li jeħtiġuha diġà għandhom Skritturi f’lingwi li jifhmuhom.”
Għalkemm nisimgħu b’rapporti ta’ xi tentattivi nofs kedda biex jerġa’ jibda x-xogħol fit-tletinijiet tas-seklu għoxrin, ma rriżultat xejn sostanzjali. Is-suċċess ta’ dawn il-kotba żgħar kien ivarja.

Il-ġerarkija Kattolika opponiet traduzzjonijiet mingħajr noti awtorizzati. Bniet l-argument tagħha kontra t-tixrid tal-Bibbja fil-vernakular fuq il-fatt li l-edukazzjoni fost il-poplu kienet ta’ livell baxx ħafna. Wara kollox, in-nies edukati setgħu jaqraw l-Iskrittura f’ilsna oħra, l-iżjed bit-Taljan, l-Ingliż jew il-Latin.

Il-Malta Bible Society

Din is-soċjetà twaqqfet fil-5 ta’ Mejju, 1817, sabiex tkompli x-xogħol ta’ distribuzzjoni mibdi mil-BFBS fil-Mediterran u anke lil hinn minnu. Il-BFBS kienet diġà nisslet din l-idea fl-1815 iżda George Yeoland (1784-1876) ma qabilx magħha: “Peress li jien konvint li tkun opponuta mill-kleru papali hawnhekk u konsegwentement ukoll mill-gvern.” Yeoland kien uffiċċjal ċivili Ingliż, miżżewweġ lil Mary Ann Heady f’Malta (1814) fejn kellhom żewġt ulied bniet.

L-għan ta’ din l-għaqda lokali, il-Malta Bible Society, ma kienx biss biex tkattar ix-xhieda ta’ Kristu f’Malta, iżda wkoll ħalli sservi bħala ċentru għat-tqassim tal-Bibbja f’artijiet ġirien u mqar aktar fil-bogħod. Dr. Naudi kien wieħed mill-membri fundaturi u wkoll wieħed mis-segretarji. Il-BFBS f’Londra tat lis-Soċjetà £500 u 6,000 kopja tal-Bibbja fi 19-il lingwa.

Ir-rapport tal-1819 jiddeskrivi lil Malta bħala ċentru ewlieni ta’ attività tal-Bibbja fil-Mediterran, b’korrispondenza ma’ bliet ’il bogħod bħal, ngħidu aħna, San Pitruburgu, Kalkutta u Bombej. Pajjiżi oħra milħuqa fil-viċin kienu l-Italja, il-Greċja, l-Armenja, is-Sirja, u bliet bħal Lixandra, il-Kajr, Smirna, Aleppo, Kandja, Alġiers u Tunis. Infetħet Bible House fl-1820 fi Strada Ponente, numru 16, il-Belt. Id-dar kellha tintuża bħala maħżen għall-kotba u bħala post għal-laqgħat. Fiha kien hemm impjegati residenti.

Tentattiv biex jinfetaħ ħanut tal-kotba għall-biegħ tal-Bibbja f’279, Stada Reale, Valletta, fl-1825, ma rnexxiex. L-MBS sfaxxat fl-1834 u s-Sur Isaac Lowndes (ċ.1790-1873) ħa postha bħala aġent tal-BFBS, u kompla jqassam il-Bibbja. Lowndes kien missjonarju u lingwista Brittaniku li kellu rwol sinifikanti fil-missjonijiet Protestanti fil-Mediterran, inkluż il-perjodu notevoli tiegħu f’Malta (1816-1819). Xogħlu inkluda traduzzjoni u sforzi edukattivi, biex jippromwovi t-tagħlim Evanġeliku fost il-popolazzjoni lokali. Wara Malta qatta’ 25 sena fil-Gżejjer Ionji, dak iż-żmien taħt il-protezzjoni Brittanika. Issorvelja l-istampar tal-Patt il-Qadim u l-Ġdid f’diversi lingwi Mediterranji fil-Lvant, għall-BFBS.

Ir-Reazzjoni tal-Kurja Kattolika

Il-kleru Kattoliku ma baqax mans hu u jara din l-attività evanġelistika daparti tal-Protestanti. Anzi l-attitudni tal-kleru wriet, bħal drabi oħra fl-istorja, xi ssarraf il-knisja Rumana meta tkun minaċċjata bit-tixrid fl-apert tal-Iskrittura.

Skont dak li kiteb F. Reynolds f’Lulju tal-1810, l-isqof ma oġġezzjonax għaċ-ċirkolazzjoni tal-Bibbja ta’ Martini bit-Taljan fuq l-inizjattiva ta’ Dr. Naudi. Jgħid l-istess ħaġa fl-1815, iżda jżid ukoll li l-isqfijiet kienu ordnaw li jinġabru dawn il-Bibbji sabiex jinqerdu.

Mat-twaqqif tal-MBS, ix-xogħol evanġeliku ffaċċja oppożizzjoni ħarxa. Jowett jirrapporta li l-isqof u l-Gvern kienu qed jipponu bil-qawwa kollha lill-MBS. Jgħid li l-Vigarju kien sejjaħ lil Naudi biex jistaqsih: “X’inhu s-sigriet tas-Soċjetà tal-Bibbja?” Naudi wieġeb skjettament illi ma kien hemm ebda sigriet. L-għan tagħha kien iċ-ċirkolazzjoni tal-Iskrittura. Il-Vigarju qallu: “Din skuża.”

Fir-rapport tal-1821 is-segretarji tal-MBS jistqarru li qabel ma kienet teżisti l-MBS il-Bibbja kienet qed titqassam bi gwadann kbir. Malli twaqqfet is-Soċjetà, “inġibdet l-attenzjoni tal-għedewwa tagħha. Il-kalunnji, ċensuri, u theddid kienu kollha wżati biex idgħajfuha u finalment jeqirduha għalkollox.”

Dan jidher ukoll mir-rapport tal-Isqof Mattei lill-Vatikan fl-1823, fejn semma l-MBS b’isimha. L-isqof ukoll inkluda lista ta’ dottrini u denominazzjonijiet li kienu qed jispontaw u kulma jmur jitferrxu ma’ kullimkien – fosthom isemmi l-Anglikani, il-Metodisti, il-Kalvinisti u l-Luterani. Jafferma kif il-Bibbja kienet qed tiġi interpretata mingħajr il-kunsens tal-Knisja Kattolika. Jinnota kif is-sagramenti kienu qed jitwarrbu, ħlief il-magħmudija. Il-verġinità perpetwa ta’ Marija kienet miċħuda, u l-qaddisin ma jkunux invokati fit-talb.

Agħar minn kollox, il-Bibbja bla noti kienet qed titqassam fost in-nies. Fuq il-livell uffiċjali Mattei pprotesta mal-gvern billi kien ta permess lill-MBS biex tiddistribwixxi l-Bibbja, u allura kiser il-patt li bih l-Ingliżi kienu ntrabtu li jħarsu r-reliġjon dominanti f’Malta.

Sentejn wara l-isqof ipprotesta għal darb’oħra kontra ċ-ċirkolazzjoni tal-Bibbja f’pajjiżna. Isemmi partikolarment id-distribuzzjoni tagħha fuq il-vapuri, kif ukoll fost nies ta’ klassi baxxa mingħajr l-approvazzjoni tal-qassisin u tal-awtorità ekkleżjastika. Isemmi laqgħat reliġjużi f’sala pubblika għad-detriment tar-reliġjon lokali. Il-BFBS wieġbet li l-isqof ma kellu ebda ġurisdizzjoni fuq il-vapuri. Irrilevat ukoll li ma kellhiex swali għal-laqgħat reliġjużi, kif ukoll illi l-Bibbja kienet qed titqassam bil-biegħ.

Jowett irrapporta fl-1826 illi “ntweriet oppożizzjoni konsiderevoli għad-distribuzzjoni tal-Iskrittura, iżda l-Kumitat f’Malta se jippersevera fix-xogħol.” Minħabba li pprotesta uffiċjalment, l-isqof ħa l-passi kollha meħtieġa biex jiġbor kopji kemm seta’, kemm bit-Taljan kif ukoll bil-Malti, ħalli jaħraqhom.
Azzjoni radikali bħal din, li tesprimi l-avversjoni tal-awtoritajiet Kattoliċi għall-fidi sempliċi u devozzjoni lejn Kristu, kienet ilha tirrepeti ruħha fl-istorja. Biżżejjed insemmu kemm-il darba ddistruġġiet kopji tal-Bibbja f’attentat sfrenat ħalli ma toħroġx għad-dawl. Bhalma ġara minn ħafna kopji tat-Testment il-Ġdid kif tradott għall-Ingliż minn William Tyndale fis-seklu sittax, kif kienu maħruqa f’Londra fuq l-ordni tal-isqof Kattoliku, hekk ġara hawn ukoll.

Il-missjonarji Ingliżi riedu jaqilbu lil Malta f’ċentru ta’ evanġelizzazzjoni, bil-għan li jinvolvu l-knejjes Kristjani fir-reġjun b’ħajja ġdida. Permezz tagħhom xi Maltin ikkonvertew lejn Kristu u ħadmu id f’id magħhom, fosthom Dr. Naudi li ċaħad il-Kattoliċeżmu u ddikjara lilu nnifsu uffiċjalment bħala Anglikan. Vassalli probabbilment ukoll wasal għat-tagħrif tal-verità li hi fi Kristu Ġesù. Minħabba l-kritika skjetta u aperta tiegħu, ir-riformista Malti, Manwel Dimech, ukoll kien mixli li huwa influwenzat mill-ideat Protestanti; din kienet xilja komuni f’soċjetà ddominata mill-Kattoliċeżmu.
L-awtoritajiet Kattoliċi naturalment ma xtaqux jerħu lil Malta f’idejn ħaddieħor. Appena raw l-ewwel possibbiltà li l-Bibbja tidħol fid-djar tal-poplu, bdew joqomsu. Għamlu ħilithom kollha biex jirreżistu din il-mewġa ta’ ħajja spiritwali. Għal darb’ oħra, bl-iskuża ewlenija li l-poplu ma kienx edukat biżżejjed, opponew l-idea li l-Bibbja tingħata bl-addoċċ f’idejn in-nies, u inkuraġġew saħansitra l-użu tal-vjolenza kontra l-ħaddiema ta’ Kristu. It-tali reazzjoni negattiva u ripressiva tal-kleru Kattoliku ma kienet xejn ġdida: dak li ġara f’pajjiżi oħra, kellu xi darba jiġri f’pajjiżna wkoll.

Storikament il-Kattoliċeżmu, peress li fih ħafna dottrini li jeħduha kontra l-Iskrittura, ma ħax pjaċir kull fejn daħlet l-Kelma t’Alla l-ħaj. Biżżejjed insemmu l-Konċilju ta’ Valencia (1229), kif saħansitra poġġa l-Bibbja fl-indiċi ta’ kotba projbiti. “Aħna nipprojbixxu wkoll li l-lajċi jkollhom permess jippossiedu l-kotba tat-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid.”

Dil-politika estrema sfat imtennija fis-seklu sittax mill-Konċilju ta’ Trentu: “Billi jidher ċar mill-esperjenza, illi jekk il-Bibbja Mqaddsa, tradotta f’ilsna oħra, tkun imħollija f’idejn kulħadd bla diskriminazzjoni, it-tferfix tan-nies joħloq iżjed deni milli ġid mill-qari tagħha.”
Għaldaqstant, konsistenti mal-politika antika tagħha, il-Knisja Kattolika lokali rat kif għamlet biex trażżan id-dawl tal-evanġelju f’pajjiżna. Insistiet mal-gvern Ingliż biex iżomm kelmtu u jissalvagwardja l-interessi reliġjużi tal-popolazzjoni Kattolika Maltija. Il-gvern adotta politika newtrali, u xaqleb iżjed lejn l-awtoritajiet ekkleżjastiċi. Ried jiddefendi d-dritt tal-missjonarji li jissoktaw fuq xogħolhom fost il-poplu f’isem il-libertà demokratika Ingliża, mingħajr ma joffendi s-sentimenti tal-prelati ekkleżjastiċi lokali. Adotta dil-pożizzjoni għal raġunijiet politiċi u biex iżomm l-ordni pubblika.

Karm Zammit u t-Trinitarian Bible Soċiety

Kien biss sitta u tletin sena wara, fl-1962, illi t-Trinitarian Bible Society f’Londra ħadet l-inizjattiva biex tippubblika l-Bibbja sħiħa bil-Malti. Ix-xogħol, mibdi u mitmum minn Karm Zammit b’ħila, bil-perseveranza u b’sabar kbir, tlesta fl-1980. Hi traduzzjoni pjuttost mexxejja u ħafna drabi dipendenti fuq it-traduzzjonijiet ta’ Saydon. It-traduttur jirrikonoxxi l-għajnuna dderivata mill-istudju komparattiv tat-traduzzjonijiet bikrija bil-Malti, bħalma huma dawk ta’ Canolo, Vassalli, Camilleri u Alfons Marija Galea.

Fil-Kelmtejn Qabel tat-traduzzjoni tiegħu, Zammit jgħid hekk: “Filwaqt li dawn it-traduzzjonijiet Maltin kollha kienu moqrijin u studjati b’attenzjoni kbira, din it-traduzzjoni kienet magħmula mill-Verżjoni Awtorizzata Ingliża, b’referenza ta’ spiss lit-test Grieg, lill-Verżjoni Franċiża ta’ Louis Segond, u lill-Verżjoni Taljana ta’ Dottore Giovanni Luzzi.”

Għall-ewwel l-Evanġelji u l-Atti kienu ppublikati separatament, u wara, fl-1971, it-Testment il-Ġdid kollu. Bl-għajnuna tal-ħanin Alla, Zammit għandu l-krettu li hu l-ewwel wieħed, minkejja n-nuqqas ta’ riżorsi u inkuraġġiment lokali, li ppubblika l-Bibbja sħiħa fil-lingwa tagħna. F’dan ir-rispett hu bħalma kien John Wycliffe għall-Ingilterra fis-seklu erbatax.

B’ċertu sens ta’ sodisfazzjon, Zammit ippreżenta t-traduzzjoni tiegħu “lill-qarrej bl-intenzjoni li tkun, bil-għajnuna t’Alla, ta’ ġid spiritwali għal dawk kollha li jaqrawha.” U tabilħaqq, dax-xogħol fejjiedi sab suq konsiderevoli, minkejja li naturalment mhuwiex approvat mill-Knisja Kattolika, peress li hi dejjem kajmana fit-traduzzjoni tal-Bibbja, u billi wkoll it-traduzzjoni ta’ Zammit ma saritx taħt l-awspiċi tagħha. Il-biegħ ta’ dit-traduzzjoni tmexxa ’l quddiem sforz l-interess ġdid fl-Iskrittura wara d-digrieti tal-Konċilju Vatikan II, l-issodar tal-ilsien Malti b’ortografija standard, il-progress tal-Malti fis-soċjetà, iż-żieda tal-edukazzjoni fost il-poplu, u l-assenza ta’ verżjoni Kattolika f’volum wieħed meta t-traduzzjoni ta’ Zammit kienet ippublikata.

L-ewwel edizzjoni tat-traduzzjoni tiegħu kienet 3,000 kopja; illum tinsab fit-tieni edizzjoni, riveduta fl-1983, b’5,000 kopja. Bħalissa t-Trinitarian Bible Society, bl-għajnuna ta’ Kristjani Evanġeliċi lokali, qed tnaqqi l-iżbalji ortografiċi minnha, taġġorna l-ortografija biex tkun konformi mar-regolamenti ġodda tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, kif ukoll ittejjeb xi passi tradotti b’mod inadekwat. Dan il-proċess qed isir bi tħejjija għat-tielet edizzjoni bl-għajnuna tal-knejjes Evanġeliċi Maltin.

Traduzzjonijiet Kattoliċi

L-ewwel Kattoliku li ppubblika għall-anqas porzjonijiet tal-Bibbja kien Richard Taylor (1818-1868), wieħed Malti minkejja kunjomu Ingliż. Kien kittieb, satirista u edukatur, magħruf għall-kontribuzzjonijiet tiegħu għal-letteratura u l-ġurnaliżmu Malti.

Taylor ippubblika n-narrativa tal-Passjoni ta’ Sidna skont l-Erba’ Vanġeli (1844), verżjoni ritmika tas-Salmi (1846), u l-Uffizzju tal-Ġimgħa Mqaddsa (1848). Għamel użu sħiħ mit-traduzzjoni tal-Book of Common Prayer. L-istil tiegħu kien pjuttost sempliċi, li seta’ jintlaħaq min-nies komuni, bħalma juru sew il-ħafna edizzjonijiet tal-Uffizzju tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Qablu kien hemm l-Għawdxi, il-Kanonku Ġanpiet Aguis De Soldanis (1712-1770), saċerdot, lingwista u storiku, kif ukoll l-ewwel librar tal-Bibliotheca Publica, il-prekursur tal-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Malta. Huwa pijunier fl-istudju tal-ilsien Malti, kif ukoll espert fl-istorjografija t’Għawdex. Ittraduċa porzjonijiet qosra tal-Patt il-Qadim. Xogħlu ffokah primarjament fuq xi salmi magħżula u passi bibliċi oħra. It-traduzzjonijiet kienu parti mill-isforz usa’ tiegħu biex jagħti evidenza tal-potenzjal letterarju tal-Malti, u biex jippromwovi l-użu tiegħu f’kuntesti reliġjużi u kulturali. Il-frammenti tradotti baqgħu bla ma kienu disseminati.

Il-Kanonku Fortunato Panzavecchia (1797-1850) kien saċerdot, edukatur, lingwista u awtur li wettaq rwol pivotali fl-iżvilupp ta’ pajjiżna, fil-qasam kulturali u edukattiv tiegħu. Ittraduċa Mattew, bit-titlu L-Ewwel Ktieb tal-Evanġelju skont San Mattew, u ppubblikah fl-1840. Jista’ jkun ħadem fuq sezzjonijiet oħra tat-Testment il-Ġdid, iżda baqgħu bla ma raw l-istampa.

Awtur anonimu rreveda t-traduzzjoni ta’ Canolo. Dawn it-tentattivi għadhom priżervati fl-għamla manuskritta tagħhom (bl-eċċezzjoni tal-Ġenesi 1 ta’ Panzavecchia stampat fl-1850) fil-Mużew tal-Kattidral jew inkella fil-Librerija Nazzjonali.

Fl-1895, meta l-perċentwal ta’ nies litterati kien kulma jmur qed jikber, is-Sur Ġużè Muscat Azzopardi (1853-1927) ippubblika l-ewwel parti tal-Evanġelju skont San Mark; u ssokta jippubblika l-bqija tal-Evanġelji kull ġimgħa sakemm ħariġhom kollha flimkien mal-Atti tal-Appostli, mitmum fl-1924. Muscat Azzopardi kien mgħallem prim tal-proża Maltija li tista’ tintlaħaq mill-klassijiet kollha. L-istil kien mexxej, faċli ssegwih u qawwi fl-idjoma. L-isforzi tiegħu kellhom effett profond fuq l-iżvilupp tal-lingwa Maltija, kif ukoll fuq il-kultura u l-ħajja reliġjuża tan-nies.

Bikri fl-għoxrinijiet tliet kittieba prominenti – Dun Pietru Pawl Grima (1894-1932), Alfons Marija Galea (1861-1941) u Dun Pietru Pawl Saydon (1895-1971) – fasslu pjan biex jittraduċu l-Bibbja sħiħa bil-Malti u jippubblikawha f’partijiet. F’perjodu ta’ sitt snin (1926-1932) il-Bibbja kollha kienet tradotta u ppubblikata f’numru ta’ kotba. Hekk fl-1932 kellna l-Bibbja sħiħa bil-Malti, iżda mhux f’volum wieħed. Din it-traduzzjoni kienet ibbażata fuq il-Vulgata. Fl-istil kienet popolari, ħlief dawk il-partijiet tradotti minn Saydon. Kliem antikwat u kostruzzjonijiet qodma ma kinux nieqsa, madankollu, biex ma nsemmux l-espressjonijiet artifiċjali u mqanżħa.

Bejn l-1939 u l-1965 Dun G. Paris OP (1893-1973) ippubblika l-Erba’ Vanġeli, l-Atti, ir-Rumani u l-ittri ta’ Ġwanni u Ġakbu, imsejsa wkoll fuq il-Vulgata. Xogħlu ma kien fih ebda pretensjonijiet letterarji jew eseġetiċi. Dawn it-traduzzjonijiet fuq livell popolari mlew vojt serju fil-letteratura reliġjuża Maltija u bil-popolarità tagħhom introduċew l-qarrejja tal-Malti għall-Kelma t’Alla. Min kien iżjed edukat baqa’ jaqra l-Bibbja f’lingwi oħra, speċjalment bit-Taljan, Ingliż jew Latin.

Pietru Pawl Saydon

Pietru Pawl Saydon, Professur tal-Iskrittura Mqaddsa, tal-Ebrajk u l-Grieg bibliku fl-Università ta’ Malta, kien l-ewwel qassis Malti li gawda taħriġ akkademiku sħiħ fl-istudji bibliċi u suġġetti relatati fl-Istitut Pontifikali Bibliku f’Ruma. Kellu ħakma tajba fuq l-Ebrajk, l-Arami u l-Grieg, kif ukoll midħla sew tal-filoloġija u l-lingwistiki b’mod ġenerali. Barra minn hekk, kien wieħed mill-promuturi ewlenin tal-lingwa Maltija u l-letteratura tagħha; hu nnifsu kien mgħallem espert fit-tħaddim ta’ proża Maltija.

Dawn il-fatturi kollha webbluh biex jilqa’ l-isfida li jittraduċi l-Bibbja sħiħa mit-testi oriġinali tagħha stabbiliti kritikament. Kellu l-ħsieb japplika l-aħħar riżultati ta’ riċerka biblika u juża lingwa letterarja għolja skont in-natura Semitika tal-Malti. Hekk għolla u żviluppa l-lingwa u l-letteratura Maltija. Refagħha fil-qagħda soċjali tagħha u fl-istima ta’ moħħ il-poplu u tal-klassijiet koltivati.

Meta t-tliet tradutturi – Grima, Galea u Saydon – ippjanaw it-traduzzjoni tal-Bibbja sħiħa, Saydon ħa l-ewwel kotba, biex ikun jista’ mbagħad ikompli l-bqija waħdu. Il-Ġenesi kien ippublikat fl-1929 u r-Rivelazzjoni fl-1959: tletin sena ta’ xogħol iebes, bla għajnuna barranija. L-idea tiegħu li jippubblika kollox f’volum wieħed qatt ma mmaterjalizzat minkejja l-isforzi tal-Malta Bible Society.

It-traduzzjoni ta’ Saydon qalgħet riċeviment kontroversjali minħabba diversi fatturi interni u esterni. Xi wħud minnhom ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-Bibbja nfisha. Fl-istess żmien il-kwistjoni tal-lingwa Maltija kienet fl-eqqel tagħha. Kien hemm żewġ estremi: kont issib esperti li stinkaw biex iżommu l-Malti fit-togħma Semitika tiegħu, u allura riedu “l-Malti safi,” u kien hemm oħrajn li preferew il-Malti Taljanizzat. Tal-ewwel taw merħba lit-traduzzjoni ta’ Saydon bħala kapulavur ta’ proża Maltija. Il-kamp l-ieħor ikkonsidraha bħala traduzzjoni bi stil li qajla jiftiehem, b’lingwaġġ imbiegħed mill-Malti mitkellem, u elevat wisq għan-nies komuni. Madankollu, ħadd ma sfida l-valur xjentifiku u solidu tat-traduzzjoni.

Billi t-traduzzjoni tiegħu kienet imsejsa fuq il-lingwi bibliċi oriġinali – l-Ebrajk, l-Aramajk, u l-Grieg – aktarx milli fuq il-Vulgata Latina, tradizzjonalment miżmuma bħala l-verżjoni awtorevoli tal-Iskrittura mill-Knisja Kattolika Rumana, Saydon ġie fl-inkwiet. L-użu tal-lingwi oriġinali kien f’konformità mal-prattika biblika moderna, iżda kien diverġenti mill-approwċ Kattolika tradizzjonali li ffavorixxa l-Vulgata.
Il-Kurja Rumana storikament mantniet kontroll strett fuq it-traduzzjonijiet tal-Bibbja, biex tassigura konformità dottrinali. Il-ħidma ta’ Saydon, billi saret indipendenti mis-superviżjoni diretta tal-Kurja, qanqlet tħassib dwar devjazzjonijiet potenzjali mit-tagħlim Kattoliku. Saydon kien stmat bħala simpatetiku għall-isforzi ekumeniċi, dak iż-żmien xi ħaġa innovattiva. Dan qanqal suspett mill-awtoritajiet Kattoliċi konservattivi. Aktar minn kollox, skont Ruma, il-Bibbja magħmula aċċessibbli għall-poplu inġenerali setgħet timmina l-awtorità tal-kleru u twassal għal interpretazzjonijiet inaċċettabbli. Minkejja l-oppożizzjoni, it-traduzzjoni tlestiet.

L-Għaqda Biblika Maltija

L-Għaqda Biblika Maltija twaqqfet fl-1958, b’Saydon l-ewwel president tagħha u l-Professur Carmel Sant l-ewwel segretarju. Waħda mill-inkombenzi bikrija tagħha kienet illi tgħin lil Saydon jiddisponi mill-kopji li kien baqagħlu tat-traduzzjoni tiegħu, u mbagħad tippubblika t-tieni edizzjoni tal-Bibbja Saydon f’volum wieħed.

Fil-11 ta’ Frar, 1965, intlaħaq ftehim ma’ Saydon li l-Għaqda tippubblika l-Bibbja Maltija f’volum wieħed bl-għajnuna finanzjarja tal-Arċisqof Gonzi. Il-pubblikaturi Nelson and Co. Ltd f’Londra aċċettaw li jippubblikawha. Madankollu dal-proġett miet fuq ruħ ommu u ma wassal għal ebda riżultat konkret. Saydon innifsu rtira l-permess tiegħu.

Aktar tard, is-Soċjetà tal-MUSEUM, il-werrieta tal-copyright, ippubblikawlu xogħlu fi tliet volumi: it-Testment il-Ġdid (1977), l-ewwel volum tat-Testment il-Qadim (1982), u mbagħad il-volum finali (1990). It-traduzzjoni tiegħu ġiet eventwalment ippubblikata f’volum wieħed (1995).

Bħala konsegwenza tad-digrieti tal-Konċilju Vatikan II u l-introduzzjoni tal-lingwa lokali fil-liturġija Kattolika f’Novembru tal-1964, kien hemm stejqien ta’ interess fl-Iskrittura. Il-pubbliku xtaq traduzzjoni ġdida tal-Bibbja f’Malti kurrenti. L-Għaqda Biblika Maltija ma kellha ebda għażla ħlief li tidħol għal dan ix-xogħol biex tissodisfa x-xewqa tan-nies u l-vojt fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Id-deċiżjoni ttieħdet f’laqgħa ġenerali tal-Għaqda miżmuma fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana, li għaliha attendew iżjed minn mitejn membru.

Inħatret kummissjoni għal din it-traduzzjoni ġdida. Il-membri tagħha kienu Dun Karm Sant (ċermen), A. Said Pullicino (segretarju), John Azzopardi, Valentin Barbara OP, Edward Fenech OSA, Joachim Schembri, Gwido Schembri OFM, Donat Spiteri OFM Cap, Mattew Sultana OFM Cap, u Marjanu Vella OFM (kollha membri tal-kleru). Barra minn dawn inħatru għadd ta’ konsulenti. Maż-żmien din il-kummissjoni tnaqqset għal erba’ membri, jiġifieri, Sant, Patri Eġidju Mizzi OFM Conv, Donat Spiteri u Joe Agius OP.

Fl-ewwel sessjonijiet tagħha, il-kummissjoni stabbiliet ċerti prinċipji bażiċi li kellhom jiggwidawha f’ħidmietha. L-iżjed importanti kienu dawn: it-traduzzjoni kellha ssir mit-testi oriġinali skont l-aħħar edizzjonijiet kritiċi. Il-lingwa wżata kellha tkun il-Malti modern, fil-vokabularju, struttura u stil, irfinut u mirqum skont il-prinċipji letterarji ta’ traduzzjoni dinamika. It-tradutturi kellhom jagħtu każ it-test oriġinali u l-qarrejja prospettivi.
Dawn il-prinċipji kienu iżjed tard modifikati biex jikkonformaw mal-Guiding Principles for Interconfessional Co-operation in Translating the Bible, ippubblikati mill-Vatican Secretariat for Promoting Christian Unity u l-United Bible Societies f’Ġunju tal-1968.

L-istampar u l-ippubblikar beda fl-1967 bil-pubblikazzjoni tal-ewwel testi liturġiċi. Sal-1976 it-testi liturġiċi u bibliċi kollha, inklużi dawk tal-Uffizzju Divin, kienu ppublikati. Fl-1971 kien ippublikat l-Evanġelju skont San Mark, biċċa xogħol ekumenika bejn l-Għaqda Biblika u l-United Bible Societies. Fl-ewwel ħmistax inbiegħu għaxart elef kopja. Il-Ktieb tas-Salmi, elfejn kopja, ħareġ fl-1973; l-Evanġelji u l-Atti, elfejn kopja oħra, fl-1974. It-Testment il-Ġdid kollu, 10,000 kopja, ħareġ għad-dawl fl-1975 u riprint ta’ 15,000 kopja kien ippublikat mill-Klabb Kotba Maltin fl-1977.
Il-Bibbja sħiħa, bil-kotba Apofriki inklużi, ħarġet fit-23 ta’ Novembru, 1984, u l-ewwel kopja kienet preżentata lill-Arċisqof. Fis-26 ta’ Frar, 1986, kopja oħra kienet preżentata lil Ġwanni Pawlu II. Ir-reazzjoni tal-poplu kienet immedjata: ħmistax-il elf inbiegħu fi ftit ġimgħat, rekord assolut għal kwalunkwe publikazzjoni bil-Malti. Il-biegħ ta’ din il-Bibbja għadu sejjer lokalment u barra kull fejn hemm emigranti Maltin.

Traduzzjoni b’Ekwivalenza Formali

F’Awwissu, 2021, id-Dar tal-Pubblikazzjonijiet QUM ħarġet traduzzjoni ġdida tal-Patt il-Ġdid, b’notamenti siewja. It-traduzzjoni hi xogħli, maħduma fuq medda ta’ snin twal, filwaqt illi qdejt il-ministeru tiegħi bħala pastor fil-Knisja Evanġelika Trinità, kongregazzjoni Kristjana Riformata lokali.

It-traduzzjoni saret fuq it-28 edizzjoni tat-test Nestle-Aland, l-edizzjoni l-aktar reċenti. Immotivajt ruħi sabiex ir-riżultat finali tat-traduzzjoni jkun normalment Malti ċar u naturali, sakemm jista’ jkun, u sakemm dan jirrifletti t-test Grieg. Xtaqt, għalkemm mhux dejjem kien possibbli, nipproduċi traduzzjoni idjomatika bla ma tkun idjosinkratika, kontemporanja bla ma tkun tinħass antikwata, iżda mhux bi spejjeż għall-preċiżjoni tal-messaġġ innifsu.

Id-differenzi, sikwit sostanzjali, bejn id-diversi traduzzjonijiet tirriżulta mill-fatt li waħda ssibha maħduma fuq l-Ekwivalenza Formali, preferuta minni, u l-oħra fuq l-Ekwivalenza Dinamika. (Spjegazzjoni ta’ dawn it-termini, ma’ diskussjoni ta’ kustjonijiet oħra, u aktar tagħrif rilevanti, jinstabu f’diversi komponimenti fil-blog https://pattgdid.blogspot.com/. Dawn il-kitbiet iseddqu din l-introduzzjoni u jagħtu sfond aktar mimli ta’ diversi aspetti u kustjonijiet imsemmija aktar ’il quddiem ukoll).

Aktar tard, f’Awwissu, 2023, l-istess dar tal-pubblikazzjonijiet aċċettat illi tippubblika it-traduzzjoni tiegħi tal-Ktieb tas-Salmi, maħduma mit-test Ebrajk u mqabbla ma’ traduzzjonijiet ewlenin bl-Ingliż. Żammejt l-istess prinċipji fit-traduzzjoni. Apparti n-notamenti li jgħinu lill-qarrej, ktibt kummentarju konċiż, u tajt ukoll għajnuniet oħra għall-meditazzjoni u t-talb.

Radd il-Ħajr

Minkejja t-tfixkil u l-ostakli, imqar minn bnadi li qajla nippretendu li jeħduħa kontra l-Kelma u l-avvanz tagħha, illum ingawdu l-Bibbja Mqaddsa bil-Malti. Alla, fil-providenza għarfa tiegħu, għoġbu jwassalha saħansitra fi djarna, avolja l-għedewwa ħabtu jagħmlu l-bsaten fir-roti. Rigward l-evanġelju, Pawlu qal: “Għalih insofri mqar li nkun ikkatenat bħala kriminal, iżda kelmet Alla mhix ikkatenata” (2 Timotju 2:9).

Jixraq inkunu grati lejn il-Mulej. Hu biss fid-dawl tiegħu li naraw id-dawl, id-dawl li jwassal għas-salvazzjoni ta’ ruħna. Ħa nagħrfu napprezzaw ukoll lil dawk kollha li stinkaw, urew inizjattiva u determinazzjoni biex din l-opra hekk neċessarja sseħħ. “Il-Mulej Sidi ta ordni: ħafna kienu n-nies li xandruha” (Salm 68:11).

Scroll to Top