Kien f’perjodu relattivament tard fl-istorja, fl-1546, matul il-Konċilju ta’ Trento, illi l-Knisja Kattolika Rumana uffiċjalment laqgħet il-kotba Apokrifi bħala ispirati (bl-eċċezzjoni tal-1 u t-2 Esdra u t-Talba ta’ Manassi). Il-kotba Apokrifi huma: Il-Ktieb tal-Għerf, Bin Sirak, Tobit, Ġuditta, Baruk, 1 u 2 Makkabin, u żidiet ma’ Ester u Danjel.
Niftakru illi dan il-Konċilju kien ir-reazzjoni tal-Knisja Rumana għad-dottrina ta’ Luteru u Riformisti Protestanti oħra. Id-dottrina Evanġelika kienet qed tinfirex bil-ħeffa, u fil-kotba tal-Apokrifa nstab “sapport” għat-tagħlim Kattoliku ta’ talb għall-mejtin u ġustifikazzjoni bil-fidi u l-opri, mhux bil-fidi biss. Din kienet raġuni prinċipali għala ttieħdet id-deċiżjoni illi jkunu magħduda bħala ispirati, meta fil-passat, mis-sekli bikrija, il-ġudizzju ġenerali tal-knisja kien kontra tagħhom. Ir-Rumanisti jiddeskrivu dawn il-kotba bħala “dewterokanoniċi” aktarx milli “apokrifa.” Il-prefiss “dewtero” jfisser “it-tieni.” B’dat-terminu jridu jfissru “miżjuda aktar tard fil-qanun.”
Dawn il-kotba ma jifformawx parti mill-Iskrittura. Dan hu evidenti, għal raġunijiet diversi.
- Fihom skoss ineżattezzi storiċi u ġeografiċi, kif ukoll anakroniżmi.
- Jgħallmu dottrina falza kuntrarja għall-Iskrittura (ara Sirak 3:3,30, b’kuntrast ma’ Galatin 2:15-21; 3:10-14. Ara Tobit 12:9, ma jaqbilx mal-1 Ġwanni 1:7; Ebrej 9:14; Titu 2:14; Rivelazzjoni 1:5. Ara l-Għerf 8:19-20 b’kuntrast ma’ Rumani 3:9-20).
- Jinkuraġġixxu prattiċi la ma jaqblux mal-Iskrittura (Sirak 12:4-7 ma jaqbilx ma’ Luqa 6:27-38 u Mattew 5:43-48).
- Ma fihomx l-elementi distintivi tal-Iskrittura, bħalma hi l-profezija.
- L-awtur ta’ Sirak, l-aħjar fost il-kotba Apokrifi, fl-introduzzjoni jitlob skuża jekk il-qarrejja jintebħu b’xi ineżattezzi, xi ħaġa li ma kienx jagħmilha kieku veru kien gwidat mill-Ispirtu (Ara wkoll it-2 Makkabin 2:23,28, b’kuntrast ma’ Luqa 1:1-4 u l-1 Korintin 13:37).
- L-Għerf jgħallem il-ħolqien tad-dinja minn materja preeżistenti: “Setgħet ukoll idek setgħana, li sawret id-dinja minn ħaġa oħra bla sura…” (L-Għerf 11:17).
- F’Baruk jingħad li Alla jisma’ t-talb tal-mejtin: “Mulej Alla ta’ Israel, li tista’ kollox, isma’ t-talba tal-mejtin ta’ Israel, ta’ wlied dawk li dinbu kontrik, u ma semgħux Kelmet il-Mulej, Alla tagħhom; għalhekk ġie fuqna dat-tiġrib kollu” (Baruk 3:4).
- L-ebda awtur fil-Patt il-Ġdid ma jirreferi għalihom jew jikkwotahom bħalma sikwit ikkwotaw mill-kotba ispirati. Fil-Patt il-Ġdid hemm iżjed minn sitt mitt referenza għall-Patt il-Qadim u hu kwotat madwar mitejn u ħamsin darba; iżda qatt ma kwota mill-Apokrifa.
Ir-raġuni bażika u ewlenija, però, għala l-kotba Apokrifi m’għandhomx jitqiesu bħala ispirati u kanoniċi hi din: il-ġens Lhudi qatt u qatt ma rrikonoxxiehom mal-bqija tal-Patt il-Qadim. Skont Pawlu l-appostlu l-knisja wirtet l-Iskritturi mingħand il-Lhud. “X’inhu, mela, il-vantaġġ tal-Lhudi?” jistaqsi. “Jew x’inhu l-valur taċ-ċirkonċiżjoni? Wisq b’kull mod. Għax l-ewwel nett il-Lhud kienu fdati bl-orakli t’Alla” (Rumani 3:1-2; cf., 9:1-5). Allura nistaqsu, “X’żammew bħala Skrittura?” It-tweġiba hi ċarissma u deċiżiva: l-istess kotba li jżommu l-Evanġeliċi llum, ċoè mingħajr l-Apokrifa. M’hemm ebda argument isħaħ u finali minn dan. Il-Lhud qatt u qatt ma rrikonoxxew l-Apokrifa bħala kanoniċi, kemm qabel it-twelid ta’ Ġesù, fi żmien l-appostli, kif ukoll f’Jamnia, 90 w.K., u sal-lum stess. Josephus, storiku Lhudi (37-100 w.K.), kiteb li l-Lhud iqisu bħala sagri tnejn u għoxrin ktieb – li jinkludu eżattament l-istess bħad-disgħa u tletin ktieb tagħna tal-Patt il-Qadim illum, mingħajr l-Apokrifa).
Bir-raġun, mela, li l-Istqarrija tagħna, bħall-Istqarrijiet Protestanti ewlenin oħra, ma tgħoddx il-kotba apokrifi bħala parti minn qanun. “Il-kotba magħrufa bħala ‘l-Apokrifa’, billi nieqsa mill-ispirazzjoni divina, ma jifformawx parti mill-qanun jew regola tal-Iskrittura u għaldaqstant m’għandhom ebda awtorità fuq il-knisja t’Alla, u lanqas m’għandhom ikunu approvati jew utilizzati b’mod differenti minn kitbiet umani oħra (Luqa 24:27,44; Rumani 3:2)” (L-Istqarrija ta’ Fidi Battista [1689], 1:3).
Huma kitbiet umani; mhumiex ispirati bħalma hi l-Iskrittura. Għandhom valur għar-riċerka storika u lingwistika, u fihom għadd ta’ stejjer dwar il-kuraġġ u l-fidi ta’ bosta Lhud matul il-perjodu intertestamentali, imma qatt ma kienu parti mill-qanun, u m’għandniex inqisuhom bħala parti mill-Bibbja.
Għalhekk m’għandhom ebda awtorità fil-knisja t’Alla, u m’għandniex napprovawhom, jew nużawhom, ħlief bħala kitbiet umana komuni (Proverbji 30:5-6).
Rigward il-qanun tal-Patt il-Qadim, il-Kristjani llum m’għandhom ikollhom ebda tħassib li kwalunkwe ħaġa meħtieġa tħalliet barra jew li ġew inklużi xi kotba li strettament mhumiex il-Kelma t’Alla. Il-Mulej innifsu jesiġi illi Kelmtu ma tkun adulterata b’xejn. “‘Il-profeta li jkollu ħolma, ħa jgħid il-ħolma, u min għandu Kelmti, ħa jgħid Kelmti bis-sewwa. X’għandu x’jaqsam it-tiben mal-qamħ,’ jgħid Jaħwè” (Ġeremija 23:28).