Kritika tal-Moviment Kariżmatiku

Il-Moviment Kariżmatiku qed jeżerċita influwenza profonda u sikwit polarizzanti matul il-Kristjaneżmu kontemporanju, peress li jenfasizza l-preżenza u l-attività tal-Ispirtu s-Santu permezz ta’ doni spiritwali, bħalma huma l-profezija, il-fejqan, u l-ilsna. Xi wħud jikklejmjaw li tbierku bih, mentri oħrajn iqanqlu tħassib teoloġiku u pastorali rigward il-klejmijiet u l-prattiċi tiegħu.

F’dal-komponiment se noffri kritika bilanċjata u responsabbli ta’ dal-moviment, filli nevalwa t-tagħlim tiegħu fid-dawl tal-Bibbja, fid-dawl tad-dottrina Nisranija storika, u fid-dawl tal-ħtieġa kontinwa illi neżerċitaw id-dixxerniment, bħala dixxipli ta’ Kristu.

Fid-dawl tal-ġrajja tal-Knisja, wieħed malajr josserva illi d-doni mirakolużi tal-Ispirtu indubjament waqfu fl-era appostolika. Evidentement mhumiex normattivi għal-lum, għax ingħataw biss fil-bidu biex jawtentikaw il-Knisja fl-infanzja tagħha, u partikolarment lill-appostli, bħala messaġġiera awtorevoli ta’ Ġesù. Il-Kariżmatiżmu jisħaq li għandhom ikomplu, frattant dan hu devjazzjoni kemm mit-tagħlim Kattoliku kif ukoll Protestant. L-istorja tixhed illi l-ilsna u doni mirakolużi oħra hedew tard fl-ewwel seklu.

Terġa’ u tgħid, l-enfasi fuq il-profeziji moderni u rivelazzjonijiet personali timmina s-suffiċjenza tal-Iskrittura bħala l-awtorità finali għal kulma jmissna nemmnu u nagħmlu (2 Tim.3:16-17; Riv.22:18-19). Jekk il-profezija fil-Kariżmatiżmu ma taqbilx mal-Iskrittura, mela ovvjament mhix mingħand Alla. Jekk taqbel, m’għandniex bżonnha, għax diġà qiegħda fl-Iskrittura. L-Insara konservattivi huma kkonċernati illi l-esperjenzi soġġettivi u “kliem mingħand Alla” jistgħu jwasslu għall-errur dottrinali jew manipulazzjoni personali.

Il-Kariżmatiżmu jqiegħed enfasi esaġerata u eċċessiva fuq id-doni tal-Ispirtu; aktar importanti minnhom huwa l-frott tal-Ispirtu (Gal.5:22-23) u l-imitazzjoni ta’ Kristu. Imqar Pawlu kkonsidra d-doni bħala sekondarji għall-għan primarju ta’ maturità u santifikazzjoni Kristjana (1 Kor.13).

Huwa evidenti illi fiż-żmien appostoliku l-ilsna kienu lingwi attwali, mhux sillabar bla sens u bla sinifikat. Ma kinux il-lingwi tal-anġli, lanqas. Wieħed bid-don tal-ilsna kien kapaċi jitkellem bl-Għarbi meta qatt ma jkun tgħallem dik il-lingwa, tant li ħaddieħor bid-don tal-interpretazzjoni jkun kapaċi jfisser lill-bqija tal-kongregazzjoni x’qed jgħid, jew wieħed li jkun jaf bl-Għarbi jifhmu faċilment. Kien don mogħti fiż-żmien appostoliku għall-iskop ta’ evanġeliżmu u edifikazzjoni tal-Knisja (At.2:6-8; 1 Kor.14:22) u wkoll bħala sinjal li Alla kien qed iwarrab lil-Lhud, minħabba l-inkredulità tagħhom, u flokhom jintroduċi lill-ġnus f’saltnatu (1 Kor.14:21-22). Il-Kariżmatiżmu jissuġġerixxi li l-lsna hu “sinjal tat-tieni barka” jew ta’ spiritwalità aktar fonda. Iżda dan ikun qed jaqsam il-Kristjaneżmu f’żewġ saffi, li tikkontradixxi l-unità tal-fidili fi Kristu (1 Kor.12:13).

Il-Bibbja tirrekordja mirakli ta’ fejqan, iżda l-mistennija Kariżmatika ta’ mirakli kontinwi timmina t-tagħlim skritturali dwar is-sofferenza u l-għan sovran t’Alla fil-provi (2 Kor.12:7-10; 1 Pt.4:12-13). Il-fejqan li qalgħalna Kristu bis-salib huwa primarjament fejqan tar-ruħ (1 Pt.2:24-25), u fl-aħħar jum jingħatalna wkoll fejqan sħiħ ta’ ġisimna, meta jintraddilna glorjuż u immortali (Fil.3:20-21).

Il-Kariżmatiżmu jrawwem u jippromwovi l-emozzjonaliżmu fil-qima, fejn is-sentimenti u l-esperjenzi soġġettivi jieħdu preċedenza u huma mfittxija wisq aktar minn qima kif kmandaha Alla, u b’dottrina sana. It-tali enfasi fuq spiritwalità emozzjonali sikwit twassal għall-instabbiltà fil-fidi, peress li l-emozzjonijiet mhumiex affidabbli u lanqas jindikaw jekk wieħed hux fil-verità jew le.

In-natura spontanja u bla struttura fil-funzjonijiet Kariżmatiċi tikkontradixxi l-istruzzjonijiet appostoliċi għall-qima bl-ordni u bil-galbu (1 Kor.14:33,40). Fil-laqgħat Kariżmatiċi sikwit tisma’ skoss nies jitkellmu bl-ilsna bla interpretazzjoni, jew inkella tisma’ jingħadu profeziji simultanji. Dan joħloq konfużjoni aktarx milli edifikazzjoni.

L-insistenza tal-Kariżmatiċi fuq id-doni spiritwali ġieli wasslet għal xiżmi fid-denominazzjonijiet u firdiet fil-kongregazzjoni. Ħafna Nsara jisfaw aljenati meta jaraw diviżjonijiet bla bżonn fil-ġisem ta’ Kristu (1 Kor.1:10-13).

Il-Kariżmatiżmu sikwit m’għandux sorveljanza adegwata u wassal għal bosta erruri dottrinali, għax sikwit jopera barra mill-istrutturi denominazzjonali. Pereżempju, il-vanġelu tar-rikkezzi, saħħa u prosperità, huwa fiċ-ċar devjazzjoni serja mill-Ortodossija biblika.

Il-prattiċi tal-Moviment Kariżmatiku huma inkonsistenti mal-fehma Protestanta storika dwar il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu u r-rwol tal-Iskrittura. Il-Kariżmatiżmu kulfejn laħaq naqqas l-awtorità suprema u finali tal-Bibbja, għax jissuġġerixxi li Alla għadu jkellimna bi profeziji kontemporanji u b’modi oħra (Ebr.1:1-3).

Wieħed faċilment jinnota paralleli bejn it-Tiġdid Kariżmatiku u movimenti aktar bikrija ttimbrati bħala “entużjastiċi,” bħalma kienu ċerti setet fis-sekli sittax u sbatax, li klejmjaw rivelazzjonijiet diretti mingħand l-Ispirtu s-Santu. Ir-Riformisti u għalliema warajhom ikkritikaw it-tali movimenti għax jippromwovu l-ispiritwalità soġġettiva ogħla mill-verità biblika.

Il-Kariżmatiżmu jiffoka fuq manifestazzjonijiet sopranaturali li kapaċi jwasslu għal ossessjoni morbida bis-sinjali u għeġubijiet aktarx milli devozzjoni esklussiva lejn Kristu u l-evanġelju (Mt.16:4). Dan l-iżbilanċ jista’ jiftaħ il-bieb beraħ għal prattiċi qarrieqa u kontrafazzjonijiet, li dwarhom l-Iskrittura twissina regolarment (2 Tes.2:9; 1 Ġw.4:1).

Il-Kariżmatiżmu ħajjar lil bosta nies jiffissaw fuq il-fejqan u l-mirakli, bħallikieku għandhom jedd għalihom, bir-riżultat illi jisfaw diżillużi. Il-moviment iwegħed ħafna u jrodd ftit. In-nies, bla ma jkunu msejsa fuq l-Iskrittura, jispiċċaw jiddubitaw, jiskuraġġixxu ruħhom, jew anke jabbandunaw il-fidi nominali tagħhom.

Il-Kariżmatiżmu joffri ragħwa bla sustanza; iwiegħed ħafna u jrodd ftit. Hu sħab bla xita. L-aħjar forma ta’ Kristjaneżmu jibqa’ dak mibni fuq tagħlim bibliku, bilanċjat u dottrinalment san, li jwassal għall-qima devota, kif ukoll ħajja qaddisa dominata mill-imħabba. L-appell lill-knejjes Protestanti f’pajjiżna huwa sabiex ma jħallux lilhom infushom ikunu influwenzati minn dil-mewġa ta’ superfiċjalità u Kristjaneżmu sub-standard.

Il-Kristjaneżmu fl-aħjar tiegħu hu ħajja b’għeruqha fl-evanġelju tal-grazzja, trasformata mill-Ispirtu s-Santu, fl-għaqda ma’ Ġesù Kristu – immarkata kontinwament bi ndiema umli, fiduċja filjali f’Alla l-Missier, u mħabba sinċiera. Hi l-ubbidjenza ferrieħa ta’ qalb imġedda bl-evanġelju tas-saltna, fejn il-verità hi miżmuma bħala indispensabbli, il-ħniena hi prattika, u l-qdusija mfittxija, b’sens qawwi ta’ gratitudni. Fit-tali mixja, id-dixxiplu jirrifletti l-karattru tal-Imgħallem tiegħu, Ġesù – filli jfittex il-ġustizzja, juri kumpassjoni, jaħfer liberament, u jonora l-patt li Alla rratifika f’Ibnu Ġesù fix-xirka ma’ aħwa oħra.

Scroll to Top