Is-Sawm

Sidna Ġesù jgħallimna hekk dwar is-sawm:

“U meta ssumu, tkunux bħall-ipokriti, b’wiċċ imqarras: għax huma jqarrsu wiċċhom, biex jidhru lill-bnedmin li huma sajmin. Tassew ngħidilkom: Għandhom ħlashom. Iżda int, meta ssum, idlek rasek, u aħsel wiċċek; Biex ma tidhirx lill-bnedmin li int sajjem, iżda lil Missierek li hu fil-moħbi: u Missierek, li jara fil-moħbi, iħallsek fil-beraħ” (Matttew 6:16-18).

Ġesù ma jgħidilniex ‘jekk’ tagħtu, ‘jekk’ titolbu jew ‘jekk’ issumu, imma ‘meta’ tagħtu, titolbu u ssumu. L-Imgħallem jistenna li d-dixxipli tiegħu jagħtu karità, jitolbu u jsumu.

Is-sawm huwa dixxiplina traskurata fost l-Insara Evanġeliċi. Forsi minħabba li s-sawm huwa abbużat f’reliġjonijiet oħra (bħala tpattija għad-dnubiet); u għax jesiġi minna rażna u sagrfiċċju.

Il-Fariżej kienu atturi. Kienu jsumu għal għajn in-nies, mhux biex jersqu lejn Alla. Ma kienx eżerċizzju ta’ umiltà, imma ta’ kburija — speċi ta’ “Arawni kemm jien twajjeb!” L-attitudni ta’ qalbna hi kruċjali. Ejja nsumu għax l-Imgħallem jridna nsumu, u għax wegħdna li Alla l-Missier iħares lejna u jroddilna ħlas.

Għażilt numru ta’ passaġġi mill-Bibbja dwar dan is-suġġett. Aqrahom bil-mod u rrifletti fuqhom.

  • Jien kont ngħakkes lil ruħi bis-sawm, u kont nitlob b’rasi mgħaddsa fuq ħdani (Salm 35:13).
  • Jien bkejt u għakkist lil ruħi bis-sawm (Salm 69:10).
  • “Mur, iġma’ l-Lhud kollha li huma f’Susan, u sumu għalija; u tiklux u tixorbux għal tlitt ijiem, u la bil-lejl u la bi nhar; jiena wkoll u l-qaddejja tiegħi nsumu hekk. U hekk nidħol għand is-sultan, għalkemm mhux skont il-liġi; u jekk għandi mmut, ħa mmut” (Ester 4:16).
  • U dawwart wiċċi lejn Sidi l-Mulej, biex infittex bit-talb u t-tħannin, bis-sawm, ilbist l-ixkora, u bl-irmied (Danjel 9:3).
  • U ġara, malli smajt dal-kliem, illi qgħadt bilqiegħda, u bkejt, u għalejt għal ħafna jiem, u somt, u tlabt quddiem Alla tas-sema (Neħemija 1:4).
  • U hemm, ħdejn ix-xmara Aħawa, nidejt sawma, biex numiljaw ruħna quddiem Alla tagħna, biex infittxu minn għandu triq tajba għalina, u għat-tfal tagħna, u għal kulma kellna. Għax stħajt nitlob lis-sultan qatgħa suldati u ifirsa biex iħarsuna mill-għadu fit-triq: għax aħna konna għidna lis-sultan, “Id Alla tagħna hi fuq kull min ifittex għall-ġid; iżda s-setgħa tiegħu u għadbu fuq kull min jitilqu.” U hekk somna u tlabna ’l Alla tagħna għal dan, u sema’ t-talba tagħna (Eżra 8:21-23).
  • Għalhekk, issa wkoll, jgħid il-Mulej, duru lejja b’qalbkom kollha, u bis-sawm, bil-biki, u bit-tinwiħ. U ċarrtu qalbkom u mhux ħwejjiġkom, u duru lejn il-Mulej, Alla tagħkom, għax twajjeb u ħanin il-Mulej, idum ma jagħdab, u mimli tjieba, u jisgħobbih għad-deni li jibgħat (Ġoel 2:12-13).
  • Anna kienet armla ta’ erbgħa u tmenin sena, u ma kenitx titlaq mit-tempju, iżda taqdi ’l Alla lejl u nhar bis-sawm u t-talb (Luqa 2:37).
  • Ġesù kien għal erbgħin jum imġarrab mix-Xitan. U ma kiel xejn f’dawk il-jiem: u meta għaddew, wara ħadu l-ġuħ (Luqa 4:2).
  • Huma u jagħtu qima lill-Mulej, u jsumu, qal l-Ispirtu s-Santu, “Ifirduli ’l Barnaba u ’l Sawl għax-xogħol li għalih sejjaħtilhom.” U wara li samu u talbu, u qiegħdu idejhom fuqhom, bagħtuhom (Atti 13:2-3).
  • U wara li għamlulhom presbiteri f’kull knisja, u talbu bis-sawm, erħewlhom f’idejn il-Mulej, li fih kienu jemmnu (Atti 14:23).

Il-Bibbja dwar is-Sawm

Minn dawn l-Iskritturi nistgħu nitgħallmu dan li ġej:

  • In-nies t’Alla, kemm fit-Testment il-Qadim u fil-Ġdid, kienu jsumu.
  • Xi drabi kienu jsumu weħidhom u drabi oħra, flimkien.
  • L-okkażżjonijiet kienu varji: biex ifittxu r-rieda t’Alla, minħabba l-istat ħażin tal-poplu t’Alla, biex jitolbu għall-protezzjoni, u b’sens ta’ indiema.
  • Is-sawm u t-talb qishom id-di u d-do, imorru dejjem flimkien.
  • L-iskop għas-sawm huwa espressjoni ta’ indiema u umiltà, biex nersqu lejn Alla. (Xi reliġjużi jippretendu li jimmeritaw il-grazzji t’Alla għax qed isofru l-ġuħ! Din hi attitudni ta’ kburija – l-oppost tal-attitudni ta’ umiltà li naqraw fuqha fil-Bibbja).
  • Aħna messna nimxu fuq it-tagħlim ta’ Sidna, u fuq l-eżempju ta’ tant qaddisin, u minn żmien għal żmien, skont l-okkażżjoni, numiljaw ruħna quddiem Alla bis-sawm u t-talb, weħidna jew flimkien, biex infittxu wiċċu u l-grazzja tiegħu.

Suġġerimenti prattiċi

Jekk għandek xi kundizzjoni medika jew ma tiflaħx, issumx. Alla jaf qalbek. Xorta waħda tista’ tixxierek miegħu fil-Kelma u t-talb.

M’hemmx mod wieħed kif issum li jgħodd għal kulħadd. Pereżempju, dakinhar li tkun se ssum, hekk kif tqum filgħodu, ibda l-jum bit-talb u l-meditazzjoni fuq l-Iskrittura. Tiekol xejn, imma tista’ tixrob kemm tixtieq. F’nofinshar, fil-ħin tal-ikel, erġa’ qatta’ ħin fit-talb. Jekk matul il-jum jagħtik il-ġuħ, ftakar li qed issum u erfa’ ħsibijietek lejn Alla fit-talb. Wara nofsinhar jew filgħaxija, tista’ tiekol … u rringrazzja ‘l Alla tal-ikel.

Mod ieħor huwa billi taqbeż ikla, u f’dak il-ħin tirtira waħdek mal-Mulej fit-talb u l-Iskrittura.

Naturalment inti jista’ jkollok pjan differenti minn dan — ara dak li jgħodd għalik.

Jalla l-Mulej iqarribna aktar lejh b’dan il-mezz ta’ grazzja.

Scroll to Top