Il-magħmudija u l-Ikla tal-Mulej huma żewġ riti mwaqqfa minn Ġesù għad-dixxipli tiegħu. Jekk inti Kristjan allura għandek il-privileġġ u d-dmir li titgħammed u tieħu sehem mill-Ikla. Imma qabel xejn jeħtieġ tistaqsi lilek innifsek, “Jien tassew dixxiplu ta’ Ġesù?”
Mela ejja nibdew mill-bidu. L-Iskrittura tgħallimna li Alla ħalaqna fix-xbieha tiegħu sabiex nagħrfuh, nigglorifikawh u ngawduh. Imma l-ewwel ġenituri tagħna, minflok onorawh b’ubbidjenza sinċiera, għażlu li jirribellaw kontrih. Adam u Eva dinbu billi kissru l-kmand ta’ min ħalaqhom. B’hekk daħal id-dnub fid-dinja u ġab rovina sħiħa.
Aħna lkoll dnibna kontra Alla: l-ewwel nett dnibna f’Adam missierna, u anke nidinbu personalment kull meta niksru l-kmandamenti tiegħu. Dnubietna jikxfu l-qalb ħażina tagħna; mhux biss, ma’ kull dnub li nagħmlu, nkomplu nżidu ħtija fuq ħtija. Dnubietna huma toqol li jniżżluna fl-infern fil-ġudizzju finali jekk nibqgħu ma neħilsux minnhom.
L-Evanġelju
Fina nfusna m’hemmx tama ta’ ħelsien, għax la nistgħu nibdlu qlubna u lanqas nistgħu nħallsu d-dejn infinit ta’ dnubietna. L-unika tama tagħna hi l-evanġelu — l-aħbar it-tajba mis-sema — għax jurina kif nistgħu neħilsu mid-dnub u l-konsegwenzi kollha li jġib miegħu, u kif nistgħu nitħabbu m’Alla u ngawdu xirka ħelwa miegħu.
L-evanġelju hu l-istorja tal-imħabba t’Alla li għalina u għas-salvazzjoni tagħna bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja. Iben Marija mwieled f’Betleħem kien minn dejjem mal-Missier qabel il-ħolqien. Ġesù hu tassew Alla u sar ukoll tassew bniedem. Ġie fid-dinja, għex f’ubbidjenza perfetta lejn Missieru, u finalment ta ħajtu fuq is-salib b’saġrifiċċju ta’ tpattija għad-dnubiet tal-poplu tiegħu. Ġesù miet, kien midfun u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet sabiex ikun is-Sid u s-Salvatur ta’ dawk kollha li jemmnu fih.
Din hi fil-qosor l-istorja tal-evanġelju. Il-messaġġ ikun ta’ benefiċċju għalik mhux biss jekk smajtu, taqbel miegħu u anke temmen li hu veru. Dan kollu huwa importanti imma mhux biżżejjed. Jeħtieġ li tindem: tistqarr dnubietek, tagħti dahrek għall-ħażen u ddur lejn Alla b’impenn sod li tobdih fl-aspetti kollha ta’ ħajtek. Fl-istess ħin, jeħtieġ li temmen fil-Mulej Ġesù: tafda fih u tħalli f’idejh sabiex jeħilsek mill-ħtija, il-ħakma u l-kastig tad-dnub, u jirrikonċiljak m’Alla. Taf li ma jistħoqqlokx, imma smajt il-wegħda ta’ Ġesù, “Ejjew għandi,” u miġbud mit-tjieba tiegħu, inti tirrikorri għandu u titolbu bil-fidi biex iħenn għalik.
Kienet din l-esperjenza tiegħek? Jekk iva, allura l-Ispirtu s-Santu diġà tak id-don tal-indiema biex iddur lejn Alla u d-don tal-fidi fi Kristu biex tafda fih għas-salvazzjoni tiegħek. Inti maħfur. Inti għandek qalb ġdida. Inti issa membru fil-familja t’Alla.
Lilek li temmen fih, il-Mulej Ġesù iridek titgħammed u jistiednek għall-Ikla tiegħu.
Il-Magħmudija
Il-magħmudija hi r-rit li s-Sid waqqaf qabel tela’ lura lejn is-sema, u timmarka l-bidu tal-mixja tiegħek miegħu. Min jgħammdek iniżżlek u jerġa’ jtellgħek mill-ilma. B’dan is-sinjal il-Mulej Ġesù jikkonfermalek veritajiet ewlenin.
Inti kont imnaddaf minn dnubietek. Bħalma l-ilma jnaddaf il-ġisem, hekk ukoll ruħek hi mnaddfa bil-fidi permezz tad-demm tas-salib (1 Pietru 3:21).
Il-magħmudija turi l-għaqda tiegħek ma’ Kristu fil-mewt, id-difna u l-qawmien tiegħu (ara Rumani 6:1-14). Il-ħajja qadima tiegħek kienet imsallba miegħu u allura m’għadikx aktar skjav tad-dnub; issa għandek ħajja ġdida fi Kristu sabiex tgħix għal Alla. Ma tridx iżjed taqdi d-dnub, imma tixtieq minn qalbek tagħmel ir-rieda t’Alla.
Il-magħmudija turi wkoll is-sehem tiegħek fil-ġisem ta’ Kristu u allura tista’ tingħaqad formalment mal-bqija tal-aħwa fil-knisja (ara Galatin 3:26-28).
Il-magħmudija ssir fl-isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu (Mattew 28:19); b’hekk tistqarr il-fidi tiegħek f’Alla wieħed, u fit-tliet persuni tat-Trinità Mqaddsa. “Maħturin skont l-għarfa minn qabel t’Alla l-Missier, bit-taqdis tal-Ispirtu, biex nisimgħu minn Ġesù Kristu u nitraxxu f’demmu” (1 Pietru 1:2).
L-Ikla tal-Mulej
Skont il-mudell tal-knisja bikrija, illum ukoll l-Insara jiltaqgħu flimkien fl-ewwel jum tal-ġimgħa sabiex iqimu ’l Alla u jixxierku flimkien. Il-laqgħat jinkludu kant u talb, il-qari u x-xandir tal-Kelma, u l-Ikla. Ġesù waqqaf l-Ewkaristija waqt l-aħħar ċena. Ir-rit huwa sempliċi: l-aħwa jaqsmu bejniethom il-ħobż u l-inbid, is-simboli tal-ġisem u d-demm ta’ Ġesù, u jroddu ħajr ’l Alla.
L-għanijiet tal-Ikla huma diversi:
- L-Ikla hi tifkira tal-Mulej u tħabbira tas-saġrifiċċju tiegħu għall-maħfra ta’ dnubietna (1 Korintin 11:23-26).
- L-Ikla hi espressjoni tal-kommunjoni tagħna mal-Mulej u mal-aħwa (1 Korintin 10:16-17) Meta nieħdu sehem mill-ħobż u l-inbid nuru li aħna għandna sehem minn Kristu, u allura aħna lkoll magħqudin fih. Ninġabru madwar il-mejda tiegħu għaliex aħna lkoll aħwa.
- L-Ikla tissejjaħ ukoll ‘Ewkaristija’ (li tfisser ringrazzjament) għaliex fiha nroddu ħajr ’l Alla għall-għemejjel tal-għaġeb li għamel magħna fi Kristu (Mattew 26:26-27).
Hekk mela bil-magħmudija l-Mulej jikkonferma l-unjoni tiegħek miegħu, filwaqt li fl-Ikla niċċelebraw mal-aħwa l-oħra l-kommunjoni ma’ Kristu u ma’ xulxin. B’dawn iż-żewġ ordinanzi sagri, il-Mulej issaħħilna l-fidi sabiex nikbru fil-qdusija u jimla qlubna bil-ferħ.