Id-dgħufijiet tal-Kristjaneżmu modern fil-Punent

L-Insara kontemporanji fl-Ewropa u l-Amerika llum jiffaċċjaw perikli, mhux daqstant minn persekuzzjoni diretta, iżda aktarx mill-prosperità, kumdità, u assimilazzjoni kulturali. Il-fallimenti tal-Insara fil-Punent illum huma sikwit sottili aktarx milli sfaċċati, rispettabbli aktarx milli skandalużi. Frattant, preċiżament għal dir-raġuni, fihom ażżard spiritwali, għax bil-kwiet isewsu l-fedeltà filwaqt li jippriżervaw l-apparenza esterna tar-reliġjon.

  • Waħda mid-dgħufijiet l-iżjed pervażivi hija l-mondanità u l-konformità mal-kultura. Bosta Kristjani tal-Punent jassorbu l-valuri kulturali popolari – kumdità, suċċess, u l-espressjoni tagħhom infushom – aktarx milli lesti jissottomettu ruħhom għall-awtorità trasformattiva tal-Iskrittura. Aktarx milli tissawwar minn saltnet Alla, il-Knisja sikwit tirrifletti s-soċjetà ta’ madwarha.
  • Relatata ma’ did-dgħufija nsibu wkoll it-telfa tal-mentalità ta’ pellegrinaġġ. Did-dinja hi trattata bħala dar aktarx milli bħala post temporanju ta’ soġġorn. L-istabbiltà terrestri hi mfittxija bħala l-aqwa ġid aktarx milli nużaw ġidna, bla ma nabbużaw minnu, fid-dawl tal-eternità.
  • Falliment ieħor jinsab f’dottrina debboli u illitteriżmu bibliku. Minkejja l-aċċess faċli u ħieles għar-riżorsi Kristjani, bla preċedent, ħafna fidili qajla għandhom fehma koerenti tal-Iskrittura u t-tagħlim Nisrani storiku. Din l-għelubija teoloġika tħallihom vulnerabbli għall-errur u l-manipulazzjoni.
  • Billi d-dottrina qed tingħata l-ġenb, il-fidi ġiet ridotta għal forma ta’ Kristjaneżmu terapewtiku. Il-vanġelu appostoliku huwa distort biex isir mezz ta’ faraġ emozzjonali jew strument ta’ twettiq tagħna nfusna, aktarx milli jikkontieni, abbażi tas-sagrifiċċju ta’ Kristu, sejħa għall-indiema, qdusija, u ubbidjenza.
  • Defiċjenza serja oħra hija n-nuqqas ta’ talb. Il-ħajja relattivament faċli tal-Punent, paragunata ma’ pajjiżi foqra, għandha ħabta trawwem afdar fina nfusna, bil-konsegwenza li t-talb hu sikwit traskurat fid-devozzjoni privata daqskemm fil-qima korporata. Dir-realtà tiżvela konfidenza żejda fl-abbiltà umana u fis-sengħa organizzativa tagħna.
  • B’mod simili nsibu traskuraġni mifruxa tal-mezzi ordinarji tal-grazzja: l-ippritkar fidil tal-Iskrittura, is-sagramenti, u l-qima riverenti fil-ġemgħa. Dawn l-għajnuniet, maħtura minn Alla għal uliedu, huma mwarrba, u flokhom il-fidili aktar ifittxu t-tratteniment, l-innovazzjoni, u l-istrateġiji prammatiċi maħsuba biex imantnu l-interess aktarx milli jikkoltivaw it-tjieba.
  • L-Insara tal-Punent sikwit huma wkoll privi mill-kuraġġ morali, jibżgħu illi jkunu miċħuda mis-soċjetà, ikunu ta’ offiża għall-infidili, jew jibżgħu mill-konsegwenzi professjonali. Dal-biża’ jwassal għas-silenzju jew ambigwità fejn l-Iskrittura ssejjaħ għaċ-ċarezza. Il-fidi allura hi sikwit privatizzata, u x-xhieda pubblika ssir ratba, sabiex jiġi evitat il-konflitt.
  • Fl-istess ħin, l-individwaliżmu eċċessiv idgħajjef l-impenn għall-kongregazzjoni. Il-Kristjaneżmu hu trattat bħala preferenza personali aktarx milli tappartieni għall-ġisem ta’ Kristu bil-patt. Hekk il-qima tingħata b’mod sporadiku, b’kontabbiltà debboli, u ħajja komunitarja superfiċjali.
  • L-ubbidjenza silettiva tkompli timmina l-integrità Nisranija. Ċerti dnubiet – partikolarment dawk soċjalment aċċettabbli, bħalma huma r-regħba, il-kburija, il-kompromess sesswali, u t-tqasqis – huma ttollerati, filwaqt li oħrajn huma kkundannati b’ħafna storbju.
  • Dan iwassal għal indiema artifiċjali, fejn l-istqarrija ssir mingħajr proponiment qawwi u dawrien sinċier mid-dnub.
  • Relatata ma’ did-dgħufija nsibu t-traskuraġni tad-dixxiplina tal-knisja, peress li bosta mill-knejjes lokali jibżgħu mill-konfront wisq aktar milli jibżgħu mill-qawwa distruttiva tad-dnub mhux indirizzat.
  • Falliment sinifikanti ieħor huwa l-kompromess morali fl-etika sesswali. Taħt pressjoni min-normi kulturali, it-tagħlim bibliku fuq is-sesswalità huwa mrattab, iddefinit mill-ġdid, jew evitat totalment. Dal-kompromess jirrifletti akkomodazzjoni għall-istandard tad-dinja aktarx milli sottomissjoni fidili għal Kelmet Alla.
  • L-Insara tal-Punent jissaraw ukoll man-nuqqas ta’ sabar fis-sofferenza. Imdorrijin fil-kumdità, ħafna fidili jħarsu lejn l-isfidi (mard, diżappunti, traġedji) bħala anormali jew inġusti aktarx milli bħala mezzi li bihom Alla jirraffina lil niesu.
  • Din l-iskumdità jew nuqqas ta’ paċenzja hi rrinforzata b’forom sottili tal-filosofija illi l-Kristjan għandu l-jedd għall-prosperità preżenti, fejn il-kumdità u s-suċċess u s-saħħa u r-rikkezzi huma kkonsidrati bħala sinjali tal-favur divin, imqar meta t-teoloġija tal-prosperità hi formalment riġettata.
  • Addizzjonalment, naraw traskuraġni tal-foqra u l-emarġinati. Filwaqt li jistgħu jeżistu strutturi karitattevoli, l-involviment personali u sagrifiċjali huwa sikwit minimu. Il-kumpassjoni hi sikwit idea sabiħa iżda ftit li xejn eżerċitata.
  • Fl-istess ħin, qima bħala wirja mużikali u tratteniment emozzjonali saret komuni. Il-qima korporata ssawret mill-ġdid, bla mandat bibliku; hi aktar ikkonċernata dwar preferenzi tal-konsumeristi milli tfittex tirrispetta l-prinċipji ta’ riverenza lejn Alla, il-verità tiegħu, u l-formazzjoni spiritwali.
  • Il-Knisja sikwit tfalli għax id-dixxiplar hu fjakk. L-evanġeliżmu Arminjan hu enfasizzat mingħajr korsijiet ta’ tagħlim għall-maturità. Il-konvertiti jibqgħu bla għeruq sodi fil-Bibbja.
  • Did-dgħufija ssir agħar minħabba l-frammentazzjoni u l-ispirtu partitarju. Il-lealtajiet denominazzjonali, politiċi, u kulturali sikwit jegħlbu l-interess fl-unità, tant li l-fidili huma diviżi, bir-riżultat li x-xhieda tal-Knisja hi distorta.
  • L-Insara tal-Punent sikwit isofru mit-telfa tal-perspettiva eterna. Il-mewt, il-ġudizzju, l-infern u l-ġenna rari huma pritkati jew serjament ikkontemplati. Il-fidili huma ffissati fuq iż-żmien preżenti; l-epoka glorjuża tal-martri ntesiet.
  • Mistura wara dawn il-fallimenti kollha niskopru kwistjoni ifnad: konfidenza żejda fil-metodi u nuqqas ta’ afdar f’Alla. Il-fidili aktar huma kkonċentrati fuq il-programmi, tekniċi, u strateġiji, milli lesti jiddependu bit-talb fuq l-Ispirtu s-Santu, li waħdu jagħti u jsostni l-ħajja.

L-ikbar periklu li jiffaċċja l-Kristjaneżmu modern tal-Punent mhuwiex il-persekuzzjoni iżda l-kumdità; mhux l-ostilità iżda l-assimilazzjoni. It-taqtigħa tal-Knisja mhijiex sopravivenza iżda fedeltà. Ir-rimedju mhuwiex fl-innovazzjoni iżda fl-indiema; mhux fir-rilevanza iżda fit-tiġdid spiritwali; mhux fl-inġenwità umana iżda fl-afdar umli fil-Mulej.

Biss meta nirkupraw il-viżjoni biblika ta’ qdusija, imħabba, ġustizzja, kuraġġ, komunità, sofferenza, u tama eterna nistgħu nagħtu xhieda konvinċenti illi s-Salvatur hu rxoxtat, u kapaċi jsalva kompletament lil dawk li bih jersqu lejn Alla, imqar fi żmien ta’ abbondanza u f’soċjetà distratta.

Scroll to Top