Omm Alla

Il-knisja bir-raġun issejjaħ lil Marija Omm Alla. L-antenati tagħna fil-fidi użaw din il-frażi sabiex jiddikjaraw li Ġesù, bin Marija, huwa tassew Alla.

Madankollu, dan it-titlu huwa pjuttost ambigwu, u faċilment jista’ jinftiehem ħażin. Għalhekk importanti li ngħidu eżatt x’ifisser u anke x’ma jfissirx. Dan jgħodd kemm għall-Evanġeliċi kif ukoll għall-Kattoliċi.

Ejja mmorru lura fl-istorja tal-knisja. Fis-seklu ħamsa nibtet ereżija dwar Kristu — in-Nestorjaniżmu. Nestorju beda jgħallem li Kristu huwa żewġ persuni separati minn xulxin, wieħed divin u l-ieħor uman. Din l-ereżija tiċħad li l-Mulej Ġesù hu persuna waħda, b’żewġ naturi distinti minn xulxin. Il-Konċilju ta’ Efesu (431 W.K.) ikkundanna din l-ereżija: “Jekk xi ħadd ma jistqarrx li Emmanwel hu tassew Alla, u li għalhekk il-verġni mqaddsa hi theotokos (għax hi ġarret skont il-ġisem il-Kelma t’Alla, li sar bniedem), ħa jkun misħut.” Il-kelma bil-Grieg, theotokos, litteralment tfisser “dik li ġġorr ’l Alla” (God-bearer). It-traduzzjoni pjuttost laxka għal-Latin hi Mater Dei — u bil-Malti, Omm Alla.

Għoxrin sena wara, il-Kredu ta’ Kalċedonja jinkludi wkoll il-kelma theotokos biex jiddefinixxi l-identità ta’ Kristu u jenfasizza l-fatt li t-tifel mwieled minn Marija hu tassew Alla. Il-Kredu jiddikjara li Kristu kien “imnissel qabel kull żmien mill-Missier skont id-divinità, u f’dawn l-aħħar jiem, għalina u għas-salvazzjoni tagħna, kien imwieled mill-verġni Marija omm Alla (theotokos) skont l-umanità. Hu Kristu wieħed, Iben, Sid, Uniġenitu, jeżisti f’żewġ naturi bla taħlit, bla bidla, bla diviżjoni, bla separazzjoni.”

Il-Kredu ma jgħallimx li Marija b’xi mod nisslet jew tat bidu għan-natura divina ta’ Kristu. Bħala Alla, Kristu m’għandux bidu u lanqas omm. Fil-fatt, il-Kredu jgħid ċar li hu kien imnissel “qabel kull żmien.” Barra minn hekk, il-Kredu jikkwalifika t-tifsira ta’ theotokos bil-frażi “skont il-umanità.” In-natura umana ta’ Kristu biss li hi attribwita lil Marija, li fiha tnissel, li ġarret f’ġufha, u li minnha kien mwieled.

Nirringrazzja ’l Alla li l-Kattoliċi u l-Evanġeliċi jaqblu flimkien fid-duttrina dwar min hu Kristu. Aħna nemmnu li Sidna Ġesù huwa Persuna waħda — Alla mill-eternità, li sar ukoll bniedem fil-ġuf tal-verġni Marija, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Madankollu Kristu mhuwiex żewġ persuni, u lanqas mhu maqsum, iżda Persuna waħda b’żewġ naturi distinti: divina u umana. Għalhekk huwa korrett li nsejħulu kemm Alla kif ukoll bniedem — kif naqraw fl-Iskrittura — u għal din ir-raġuni, ma noqogħdux lura milli nsejħu lil ommu, Omm Alla.

B’dispjaċir ninnotaw li xi wħud jużaw ħażin dan it-titlu, li oriġinarjament kien maħsub biex jeżalta lil Kristu, u jattribwixxu lil Marija rwol li l-Bibbja ma tagħtihiex. Fost il-Kattoliċi hemm min jaħseb li Marija għandha awtorità materna fuq Binha. Għaldaqstant jitolbuha tidħol għalihom ma’ Binha, konvinti li Ġesù jobdi kulma tikkmandah ommu. Fil-ktieb, Il-Glorji ta’ Marija, naqraw: “It-talb u x-xewqat tagħha għandhom saħħa hekk kbira quddiem Alla, li dejjem jitbiddlu f’xi kmandi għalih.”

Huwa minnu li fi żmien l-umiljazzjoni tiegħu, l-Iben t’Alla mhux biss sar tarbija, iżda bħala tifel kien jissottometti ruħu taħt l-awtorità tal-ħlejjaq tiegħu — tal-missier putattiv, Ġużeppi, u ta’ ommu, Marija. Naturalment, meta kiber u ħareġ mid-dar ma baqax aktar taħt l-awtortà t’ommu. Matul il-ministeru pubbliku fuq l-art, Ġesù kien immexxi mill-Ispirtu s-Santu biex iwettaq ir-rieda tal-Missier. Fil-preżent, wara l-qawmien u t-tlugħ fis-sema, Kristu jinsab fuq il-leminija tal-Maestà, u għandu kull setgħa fis-sema u fl-art, u kull poter fuq il-knisja tiegħu u l-ħolqien kollu. Marija m’għandhiex awtorità fuq Ġesù; għall-kuntrarju, Ġesù huwa s-Sid u s-Salvatur ta’ Marija, u hi, mal-qaddisin kollha, tissottometti ruħha lejh, u tagħtih qima.

Għalhekk, ejjew aħna wkoll inżommu għajnejna ffissati f’Ġesù. Kemm għandna għalfejn nithennew li għas-salvazzjoni tagħna, il-Ħallieq tagħna twieled mill-omm verġni, u sar bniedem bħalna, sabiex jagħti ħajtu b’fidwa għal ħafna. Ejjew mela nersqu lejh b’fiduċja sħiħa, u nafdaw ruħna u s-salvazzjoni tagħna f’idejh ħanina, u nqimuh mal-Missier u l-Ispirtu s-Santu bħala Alla tagħna.

Scroll to Top