Il-Knisja bikrija ma kinitx il-Knisja Kattolika Rumana

Il-kwistjoni jekk il-Knisja bikrija kinitx l-istess u ħaġa waħda bħall-Knisja Kattolika Rumana moderna tinsab fil-qalba tal-istorja Kristjana. Il-Kattoliċi Rumani llum jikklejmjaw kontinwità istituzzjonali mhix miksura, minn żmien l-appostli sal-papat preżenti. Aħna l-Protestanti nasserixxu illi evidentement kien hemm żvilupp dottrinali u strutturali matul is-sekli illi trasforma lill-Kristjaneżmu bikri tal-ewwel ftit sekli f’entità oħra, differenti u distinta mill-Kristjaneżmu primittiv.

Ħarsa lejn x-xhieda storika tikkonvinċina illi l-Knisja bikrija – dik matul l-ewwel erba’ jew ħames sekli – kienet tabilħaqq kattolika, voldiri, universali, iżda ċertament ma kinitx identika mal-Kattoliċeżmu Ruman kif evolva fil-Medju Evu. Il-Knisja bikrija kienet unita bl-evanġelju u t-tagħlim appostoliku, ħielsa mis-supremazija papali, li aktar tard ġabet skandlu mtawwal u tfixkil aktarx milli għajnuna għall-benessri tal-Knisja. Il-Knisja bikrija lanqas ħaddnet id-dottrini Marjani elaborati, u ma kellhiex is-sistema sagramentali illi aktar tard iddefinixxew il-Kattoliċeżmu Ruman.

L-istruttura tal-Knisja bikrija kienet plurali, mhux papali. Il-komunitajiet Insara oriġinarjament kienu gvernati minn pluralità ta’ presbiteri jew isqfijiet, assistiti mid-djakni, kif deskritti fil-Patt il-Ġdid (At.14:23; Fil.1:1; Titu 1:5). Meta naqraw kitbiet Insara wara l-mewt tal-appostli – fosthom id-Didache, l-Ewwel Epistola ta’ Klement, u l-ittri ta’ Injazju ta’ Antjokja (ċ.110), insibu enfasi fuq it-tmexxija lokali, l-unità, u l-fedeltà għat-tagħlim appostoliku – iżda mhux għal xi ġurisdizzjoni globali eżerċitata minn isqof wieħed f’Ruma. Injazju eżorta lill-fidili biex ikunu ubbidjenti għall-isqof tagħhom stess u jippriżervaw l-unità fl-imħabba, u frattant qatt ma jsemmi jew jalludi għal xi sopristant suprem b’awtorità universali. Id-dikjarazzjoni famuża tiegħu – “Kull fejn hemm Ġesù Kristu, hemm hi l-Knisja Kattolika” – tirreferi fiċ-ċar għax-xirka universali tal-fidili, mhux għas-sede Rumana.

Bl-istess mod, fl-ittra tiegħu lill-Korintin, Klement ta’ Ruma joffri pariri pastorali, mhux digrieti. Jappella għall-Iskrittura u l-ordni appostolika, mhux għas-supremazija papali. It-ton hu fratern, mhux ġerarkiku. Aktar tard, Irenew ta’ Lyons (ċ.180) irrispetta lil Ruma għall-fedeltà tagħha lejn id-dottrina appostolika, iżda raha bħala knisja ewlenija fost oħrajn, mhux bħala ħakkiema fuqhom (Kontra l-Ereżiji 3.3.2).

Il-konċilji tħaddmu b’awtorità konċiljari, mhux taħt monarkija papali. L-ewwel tlaqqigħa kbira ta’ isqfijiet, il-Konċilju ta’ Niċea (325), tipprovdi evidenza storika konvinċenti ħafna. Issejħet mill-Imperatur Kostantinu, mhux mill-isqof ta’ Ruma. Fid-deċiżjonijiet tiegħu, il-konċilju rrikonoxxa diversi ċentri patrijarkali importanti – Ruma, Lixandra, u Antjokja – kull wieħed b’awtorità fir-reġjun tiegħu. Ruma ngħatat primat ta’ unur, mhux ta’ ġurisdizzjoni. L-idea tal-isqof ta’ Ruma bħala l-mexxej universali kienet lanqas biss nibtet.

Il-mostra kompliet fil-Konċilju ta’ Kalċidonja (451), li famużament iddikjara s-Sede ta’ Kostantinopli bħala sede “bi privileġġi ugwali” mas-Sede ta’ Ruma (Kanone 28). Did-deċiżjoni kienet tkun impossibbli kieku l-Knisja bikrija rrikonoxxiet is-supremazija papali. Fehmet lilha nfisha bħala komunjoni ta’ isqfijiet li jixxerjaw l-istess fidi appostolika – struttura li damet titħaddem għal diversi seklu qabel ma kibret il-monarkija papali u għelbitha.

L-awtorità tal-Bibbja tqieset bħala suprema u suffiċjenti. Fattur vitali fil-Knisja bikrija – sikwit imwarrab pulit pulit mill-Kattoliċeżmu Ruman – kien ir-riverenza għall-Iskrittura Mqaddsa bħala l-awtorità finali biex tiġi stabbilita d-dottrina u l-imġiba morali tal-fidili. L-appostli u l-padri bikrija warajhom konsistentement żammew il-Bibbja bħala l-istandard finali, mhux it-tradizzjoni jew id-digrieti ekkleżjastiċi.

Atanasju, fir-raba’ seklu, jgħid: “L-Iskritturi mqaddsa u ispirati huma kompletament suffiċjenti għall-proklamazzjoni tal-verità” (Kontra l-Pagani 1.3). Ċirillu ta’ Ġerusalemm jisħaq: “Temmnux lili sempliċement, jekk kemm-il darba ma tirċevux mill-Iskritturi Mqaddsa l-prova ta’ kulma qed inressqilkom” (Lezzjonijiet Kateketiċi 4.17). Bażilju l-Kbir kiteb: “X’inhi l-karatteristika ta’ ruħ fidila? Illi f’dawn il-ħwejjeġ tkun gwidata mill-Iskrittura Mqaddsa” (Moralia 80.22).

Wistin ta’ Ippona, tant rispettat u kwotat mill-Kattoliċi Rumani, jinsisti aktar mis-Santi Padri l-oħra, illi t-twemmin Nisrani għandu jkun imsejjes esklussivament fuq il-Bibbja. “F’dawk il-ħwejjeġ,” jgħid, “li huma mniżżla ċar u tond fl-Iskrittura, kollox huwa misjub li jikkonċerna l-fidi u l-kondotta” (Dwar id-Dottrina Kristjana 2.9). It-teologi u l-isqfijiet tal-ewwel sekli lkoll emmnu li l-fidi tal-Knisja għandha tkun ittestjata u kkonfermata mill-Kelma miktuba t’Alla. It-tradizzjoni kienet valutata bħala xhieda, iżda l-Iskrittura biss kellha l-awtorità finali.

Dil-pożizzjoni toffri kuntrast qawwi mal-Kattoliċeżmu aktar tard, illi jqiegħed it-tradizzjoni fuq l-istess livell mal-Bibbja, interpretati t-tnejn mill-Maġisteru papali. Ir-Riformisti affermaw illi ma kinux qed jivvintaw xi awtorità ġdida, iżda rkupraw l-awtorità antika – is-supremazija ta’ Kelmet Alla. Il-Konċilju ta’ Trento, b’reazzjoni għall-Protestanti illi marru lura għall-prattika bikrija tal-Knisja, formalment iddikjara illi kemm l-Iskrittura kif ukoll it-tradizzjonijiet mhux miktuba għandhom ikunu milqugħa “b’devozzjoni u riverenza ugwali” – dikjarazzjoni skonoxxuta totalment fil-Knisja bikrija.

Il-Knisja bikrija emmnet fil-Preżenza Reali, iżda mhux fit-transustanzjazzjoni. Is-Santi Padri tkellmu dwar parteċipazzjoni mistika u spiritwali fl-Ikla tal-Mulej, mhux trasformazzjoni fiżika tas-sustanza, kif ġiet definita aktar tard fir-Raba’ Konċilju tal-Lateran (1215).

Ġustinu l-Martri kiteb: “Ma nirċevux dawn bħala ħobż u xorb komuni…iżda bħala Ġesù Kristu s-Salvatur tagħna magħmul ġisem, hekk aħna mgħallmin illi l-ikel imbierek bit-talb huwa l-laħam u d-demm ta’ dak Ġesù” (Apoloġija 1.66). Qatt ma klejmja illi l-ħobż jehda milli jkun ħobż. Irenew kiteb: “Il-ħobż, li hu mill-art, wara li jirċievi l-invokazzjoni t’Alla, mhuwiex aktar ħobż komuni, iżda l-Ewkaristija, li tikkonsisti f’żewġ realtajiet, mondana u smewwitija” (Kontra l-Ereżiji 4.18.5). Iż-żewġ realtajiet jindikaw kemm il-ħobż fiżiku u r-realtà spiritwali ta’ komunjoni ma’ Kristu. Il-Padri stmaw l-Ewkaristija bħala mezz ta’ unjoni spiritwali ma’ Kristu permezz tal-fidi, mhux bħala bidla fis-sustanza. Il-Protestanti maġisterjali emmnu bħalhom. Id-dottrina tat-transustanzjazzjoni żviluppat sekli wara l-appostli, ġiet sistematizzata mit-teologi skolastiċi, u kodifikata b’digrieti papali.

Id-dommi Marjani huma assenti fil-Knisja ante-Niċena. Id-differenza bejn il-Kristjaneżmu bikri u l-Kattoliċeżmu Ruman abbli tidher l-aktar fiċ-ċar fid-dottrini rigward Marija. Fl-ewwel tliet sekli l-Knisja wriet riverenza lejn Marija, omm Ġesù, il-verġni mbierka li permezz tagħha ġie fid-dinja (Lq.1:28,42). Frattant la vveneratha, la indirizzat it-talb lilha, u lanqas ma attribwitilha l-perfezzjoni, il-verġinità perpetwa, jew it-tlugħ tagħha fis-sema.

Fl-ewwel żewġ sekli referenzi għal Marija kienu rari u riverenti, strettament bibliċi. Ġustinu l-Martri u Irenew tkellmu dwarha bħala “Eva l-ġdida,” fis-sens illi l-fidi tagħha ħolqot kuntrast qawwi mad-diżubbidjenza ta’ Eva. Frattant l-ideat stravaganti, żviluppati u espressi fil-Kattoliċeżmu Ruman, kienu lanqas biss ħolmu bihom. Marija kienet onorata għar-rwol tagħha fl-istorja tal-fidwa, iżda la meqjuma u lanqas invokata. Il-Padri appostoliċi ma jsemmu ebda venerazzjoni jew interċessjoni Marjana. Tertuljanu espliċitament isejjaħ lil Marija mara li, għalkemm imbierka, kellha l-limitazzjonijiet tagħha, u saħansitra nnota d-dubju tagħha u kif ma fehmitx lil binha Ġesù (Dwar il-Laħam ta’ Kristu 7). Ebda awtur qabel il-Konċilju ta’ Niċea ma jirreferi għaliha bħala “Reġina tas-sema,” “Medjatriċi,” “Ko-Ridentriċi,” jew b’xi titlu simili. Is-silenzju hu sinifikanti: dawn il-konċetti kienu totalment frustieri fit-teoloġija Kristjana bikrija.

Id-dommi Marjani formali żviluppaw gradatament. Nisimgħu bi spekulazzjonijiet dwar il-verġinità perpetwa tagħha fir-raba’ seklu, u kienet dikjarata f’sinodu fil-Lateran (649). Saru dibattiti sħan dwar l-Immakulata Konċizzjoni fis-seklu 12 bejn Anselmu u Duns Scotus, iżda kienet definita biss ħafna aktar tard (1854). L-idea tat-tlugħ fis-sema ta’ Marija tnisslet minn leġġendi apokrifi tas-seklu 5, u ġiet definita biss fl-1950. Marija bħala Medjatriċi u ko-Redentriċi kienu żviluppi medjevali, u għadhom mhumiex definiti formalment, għalkemm promossi fil-beraħ.

It-tali dommi la għandhom għeruq fl-Iskrittura u lanqas fl-ewwel tliet sekli ta’ ħsieb Kristjan. Il-fidili bikrija weġġħu lil Marija bħala l-omm imbierka ta’ Kristu, u frattant stmawha bħala s-serva umli t’Alla, mhux bħala l-oġġett tat-talb jew id-dispensatriċi tal-grazzja.

Oriġene, ma’ Wistin u dutturi oħrajn, wissa kontra l-eżaltazzjoni eċċessiva ta’ Marija. “Ir-ruħ ta’ Marija nfisha kienet minfuda b’sejf, sabiex il-ħsibijiet ta’ ħafna qlub ikunu rrivelati. Kieku ma kinitx taf dnub, is-sejf ma kienx jinfed lil ruħha” (Omeliji fuq Luqa 17). Hu ċarissmu li l-Knisja bikrija kkonsidrat lil Marija bħala mara fidila li xxerjat il-kondizzjoni umana tagħna – mhux bħala smewwitija, bla dnub jew kważi divina. Is-sistema Marjana Rumana, kif żviluppata aktar tard, hi kompletament maqtugħa mill-fidi storika tal-Padri qabel Niċea.

Il-Knisja bikrija kienet sempliċi, iċċentrata fuq Kristu. Kien biss fis-sekli sussegwenti illi l-akkrezzjonijiet dottrinali ħonqu l-vitalità tal-fidi tagħha, u begħduha mill-blata solida tal-Iskrittura. Ħafna dommi, issa essenzjali għall-fidi tal-Kattoliċi Rumani, dehru sekli wara l-appostli, u sikwit f’kontradizzjoni għat-twemmin Nisrani primittiv.

Pereżempju, is-supremazija papali bdiet tissemma tard fis-seklu 6, u Girgor I, isqof ta’ Ruma, ċaħadha. Kien biss il-Konċilju Vatikan I li ddefinixxa s-supremazija u l-infallibbiltà tal-papa (1870). It-transustanzjazzjoni kienet dibattuta bejn is-seklu 9 u 12, u ġiet definita mir-Raba’ Konċilju tal-Lateran (1215). Ideat vagi dwar purfikazzjoni wara l-mewt bdew jissemmew fir-4 u l-5 seklu; kien biss fil-Konċilju ta’ Firenze (1439) li l-purgatorju sar domma tal-fidi għall-Kattoliċi Rumani. Marija mnissla mingħajr dnub kienet spekulazzjoni tas-seklu 12, u ġiet aċċettata formalment fl-1854. Is-sistema ta’ indulġenzi hija frustiera għall-Bibbja, daqskemm m’hemmx annimali fuq il-pjaneta Marte, u frattant il-Konċilju ta’ Trento approvaha (1563).

Tabilħaqq, il-Knisja bikrija kienet Kattolika. Dan ifisser li esprimiet l-universalità tal-fidi, mhux alleanza jew fedeltà lejn Ruma. Biss wara x-Xiżma l-Kbira (1054) sar neċessarju illi tintuża t-tikketta “Kattolika Rumana.” Il-knisja bikrija kienet unita fl-evanġelju, stabbilita fuq l-Iskrittura, u ċċentrata fi Kristu fil-qima. Kalvinu osserva: “Il-Knisja antika kellha lil Kristu bħala r-Ras tagħha; il-Knisja Rumana għamlet bniedem mortali r-ras tagħha.” Fuq binarju simili, J.C. Ryle jikkonferma: “Il-Knisja primittiva ma kienet taf xejn dwar il-papa, il-quddiesa, jew il-konfessjonarju. Dawn il-ħwejjeġ huma invenżjonijiet imwaħħra; l-appostli ma kinux jafu bihom.”

Il-Knisja bikrija kienet kattolika – universali u appostolika – iżda mhux Kattolika Rumana. Il-pedament tagħha la kien il-papa u lanqas it-tradizzjoni, iżda l-Kelma t’Alla u l-vanġelu tal-grazzja. Filli rkupraw il-pedament, ir-Riformisti mhux talli ma rribellawx kontra l-fidi antiki, iżda attwalment irritornaw lura lejha. “Il-fidi kommessa lill-qaddisin darba għal dejjem” (Ġuda 3) kienet il-fidi tal-Knisja bikrija. Tibqa’ l-fidi tal-kredenti veri kollha sal-lum – biblika, spiritwali, fejn Kristu jinżamm bħala “kollox u f’kollox” (Kol.3:11).

Scroll to Top