Ir-Rumaniżmu u l-ispirtu tal-kburija

Matul l-istorja Kristjana, ftit kwistjonijiet qanqlu aktar riflessjoni teoloġika u kontroversja sħuna mill-kwistjoni ta’ awtorità u grazzja fil-Knisja. Mir-Riforma ’l hawn, ħassieba Protestanti sikwit iddeskrivew is-sistema Kattolika Rumana – ittimbrata bħala Rumaniżmu fil-letteratura Protestanta tal-imgħoddi – bħala karatterizzata mill-arroganza u l-kburija. Dal-ġudizzju qatt ma kien immirat direttament lejn fidili individwali, li ħafna minnhom il-Protestanti stmawhom bħala Nsara sinċiera, iżda aktarx għas-sistema Rumana nfisha, li huma kkonsidrawha bħala waħda li teżalta l-awtorità umana, il-mertu, u l-isplendur tant li l-grazzja u l-verità divina, flimkien ma’ qima sempliċi, jisfaw mistura.

Hawnhekk se nesploraw kif ir-Riformisti u l-werrieta tagħhom qiesu lir-Rumaniżmu bħala mkabbar u mneffaħ bih innifsu. Neżaminaw ħames oqsma ċentrali illi jinkwetawna: l-awtorità, il-mertu uman, l-esklussività istituzzjonali, il-grandizza ritwali, u r-reżistenza għall-korrezzjoni.

Il-kburija tal-awtorità umana fuq l-awtorità divina. Fil-qalba tar-Riforma spikkat l-għajta illi kull dottrina u prattika fil-Knisja għandha ssib mandat għaliha fl-Iskritturi Mqaddsa. Bħall-Knisja bikrija, il-Protestanti emmnu illi Kelmet Alla għandha l-jedd tiġġudika d-digrieti umani, it-tradizzjonijiet, u kwalunkwe sinodi u konċilji. Għaldaqstant, l-insistenza ta’ Ruma illi l-Knisja u l-Papa jippossiedu awtorità infallibbli ġiet interpretata bħala għamla ta’ arroganza spiritwali. Meta tikklejmja illi sempliċi bniedem, avolja eżaltat fl-għoli, seta’ jitkellem infallibbilment f’isem Alla, huwa abbuż kontra l-prerogattiva divina.

Luteru ddenunzja t-tali atteġġjament bla ma qagħad jomgħodha: “Il-papa jiftaħar illi hu r-ras tal-Knisja, u li ma jistax jiżbalja. Dan mhu xejn ħlief illi jagħmel lilu nnifsu Alla fuq l-art” (Dwar il-Kaptività Babilonjana tal-Knisja). Kalvinu esprima ħsieb simili: “Il-ftaħir tagħhom illi l-Knisja ma tistax tiżbalja hu sempliċi tmasħir, għax bil-Knisja jridu jfissru biss dik il-fazzjoni li tissogra bi kburija tistmerr Kelmet Alla” (Istituzzjonijiet 4.8.12).

Għar-Riformisti, bħall-Insara fl-antik, l-umiltà vera hi espressa mhux billi tasserixxi l-awtorità u tabbuża minnha, iżda billi tissottometti għall-Iskrittura. It-twissija appostolika, biex ma mmorrux lil hinn milli hu miktub (1 Kor.4:6), saret proverbju għall-fidi u l-prattika Protestanta. F’dan is-sens ir-Riforma kienet sejħa lura għas-supremazija unika tal-Iskrittura. Kif għallem Wistin ta’ Ippona: “Lanqas ma jissogra xi ħadd jaqbel mal-isqfijiet Kattoliċi jekk jinzertaw illi jkunu żbaljati fuq xi punt, bir-riżultat illi l-opinjoni tagħhom tkun kontra l-Iskritturi kanoniċi t’Alla” (Dwar l-Unità tal-Knisja, 10). Filli l-Knisja medjevali, pereżempju, ivvintat l-indulġenzi, uriet fiċ-ċar illi għolliet l-awtorità tagħha ogħla mill-awtorità divina espressa fil-Bibbja Mqaddsa.

Il-kburija tal-mertu uman fuq il-grazzja divina. Akkuża oħra ta’ kburija kienet teoloġika aktarx milli istituzzjonali. Ir-Riformisti argumentaw illi t-tagħlim ta’ Ruma dwar il-ġustifikazzjoni u s-sagramenti għolla l-isforz u l-mertu uman biswit il-grazzja t’Alla. Is-sistema Rumana, qalu, ittrasformat il-grazzja f’sustanza illi tista’ tkun imferra’ u miżjuda permezz ta’ opri tajba, aktarx milli għotja milqugħa bil-fidi, bla ħlas jew mertu. Id-dikjarazzjoni ta’ Pawlu kienet u tibqa’ ċentrali: “Għax bil-grazzja intom salvati, permezz tal-fidi; u dan mhux minnkom infuskom, hu l-għotja t’Alla; mhux bl-opri, sabiex ħadd ma jiftaħar” (Ef.2:8-9).

Għal Luteru, it-tali affermazzjonijiet bibliċi jfarrku kull idea li nistgħu nkunu ġusti quddiem Alla b’għemilna stess. “M’aħna xejn; ma nistgħu nagħmlu xejn; ma nippossiedu xejn. Iżda Kristu hu kollox u f’kollox” (Kummentarju fuq il-Galatin). Kalvinu lemaħ il-kburija bħala l-għerq ta’ kull tentattiv uman għall-mertu: “Qalb il-bniedem hi tant mixħuta għall-imħabba tagħha nfisha illi dejjem se jattribwixxi għalih innifsu aktar milli jmissu. Minħabba f’hekk titqanqal il-konfidenza falza fl-opri, u għaldaqstant il-kburija, omm l-erruri kollha” (Istituzzjonijiet 2.1.2). Spurgeon laqat il-musmar fuq rasu meta qal: “L-ikbar għadu għall-erwieħ umani huwa l-ħsieb li wieħed jista’ jsir ġust fih innifsu, tant illi l-bnedmin iħarsu lejhom infushom għas-salvazzjoni” (All of Grace).

F’għajnejn il-Protestanti, id-dottrina Rumana illi wieħed għandu jikkopera mal-grazzja ċajpret il-bordura bejn l-għotja divina u l-kontribut uman. Insistew illi jekk wieħed jissogra jżid ħajta waħda ta’ mertu uman mal-libsa tal-ġustizzja ta’ Kristu jispiċċa biex jgħarraq l-evanġelju nnifsu. Kif iddikjara Luteru qrib tmiem ħajtu: “Aħna tallaba. Dan hu veru.”

Il-kburija ta’ poter istituzzjonali u esklussività. Ruma ilha tisħaq illi hi l-unika Knisja vera u l-istrument waħdieni ta’ salvazzjoni – espressjoni oħra ta’ kburija spiritwali. Il-Protestanti fl-antik ikkontendew illi l-Knisja vera mhijiex ikkonfinata għal organizzazzjoni viżibbli waħda, iżda tinsab preżenti fejn l-evanġelju hu pritkar fedelment u s-sagramenti amministrati sewwa.

Luteru kiteb bil-qlubija karatteristika tiegħu: “Isejħu lilhom infushom Knisja, u frattant jippersegwitaw il-Knisja vera ta’ Kristu. Il-Knisja mhijiex marbuta ma’ Ruma, iżda mal-Kelma” (Dwar il-Konċilji u l-Knisja, 1539). Kalvinu jidwi l-istess ħsieb: “Kull fejn naraw Kelmet Alla mxandra fil-purità u mismugħa, kif ukoll is-sagramenti amministrati skont l-istituzzjoni ta’ Kristu, hemm, m’għandniex dubju, teżisti knisja t’Alla” (Istituzzjonijiet 4.1.9).

Spurgeon, rappreżentant ta’ ħsieb evanġeliku aktar tard, esprima l-istess spirtu kattolika b’ton differenti: “Ma nappartienu għal ebda setta; aħna l-poplu t’Alla. U l-poplu t’Alla hu ħaġa waħda, għalkemm ma jiltaqax taħt saqaf wieħed, u lanqas mhu magħruf bl-istess isem.” Għall-Protestanti, meta wieħed jirrestrinġi s-salvazzjoni għas-sottomissjoni lejn il-papa, huwa ċaħda tas-suffiċjenza ta’ Kristu nnifsu, li qal illi saltnatu mhijiex minn did-dinja.

Il-kburija ta’ splendur estern u ritwal bombastiku. Punt ta’ kritika ieħor jirrigwardja l-istravaganza u l-pompa fil-qima Rumana. Fil-katedrali manjifiċenti, vestwarju u paramenti sagri, u ritwali elaborati, ivvintati u adottati maż-żmien, ir-Riformisti mhux talli ma rawx l-umiltà li jmissha tirriżulta mill-evanġelju, iżda qisuhom bħala xhieda ta’ kburija u reliġjon umana. Fakkru illi l-qima aċċettabbli hi “fl-ispirtu u l-verità” (Ġw.4:24), mhux b’ċerimonji estetiċi li jpaxxu s-sensi u jħallu r-ruħ magħluba u mġewħa.

Kalvinu wissa: “Alla ma japprovax il-modi ta’ qima li mhumiex sanzjonati espliċitament f’Kelmtu stess. Allura dawk il-modi fittizji ta’ qima, li fihom jeżerċitaw lilhom infushom b’assurdità, huma tluq mir-reliġjon vera” (Istituzzjonijiet, 4.10.23). Luteru osserva: “Il-Knisja ta’ Kristu hi fqira u umli. Meta ssir sinjura u mkabbra, ma tibqax Knisja.” Għax il-glorja tal-vanġelu ma tinsabx fid-deheb, fided, binjiet irjali, damask, ħaġar prezzjuż, u lbies rikk, iżda fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Hekk il-qalb Protestanta warrbet it-tlellix u l-leqqa ta’ reliġjon mondana, u tgħallmet titpaxxa fil-maestà inviżibbli ta’ Kristu, mislub u rxoxtat. Meta l-qima tiżżejjen bi splendur terrestri, f’għajnejn il-Protestanti, ikun sar tradiment ta’ Kristu, li huwa ġwejjed u umli f’qalbu, is-Salvatur li twieled f’maxtura, għex fil-faqar, u finalment miet fuq salib aħrax.

Il-kburija li tirrifjuta l-korrezzjoni. Finalment, ir-Riformisti xlew lil Ruma bi kburija talli ma riditx tindem meta kienet konfrontata bit-tagħlim ċar tal-Iskrittura, superjuri għat-tagħlim stabbilit tagħha. Minflok ma għaraf l-abbużi u d-dottrina żbaljata, il-Konċilju ta’ Trento reġa’ afferma dottrini bħalma huma l-ġustifikazzjoni bil-fidi u bl-opri umani, it-transustanzjazzjoni, u s-supremazija papali. Din l-istinazzjoni kkonfermat kemm Ruma preferiet l-awtorità tagħha nfisha aktarx milli toqgħod għall-awtorità ta’ Kelmet Alla.

Il-kliem sfidanti ta’ Luteru fid-Dieta ta’ Worms jesprimi l-ispirtu Protestant ta’ sottomissjoni umli quddiem il-verità divina: “Papiet u konċilji sikwit żbaljaw u kkontradixxew lil xulxin; għaldaqstant, jien marbut bl-Iskritturi illi kwotajt, u l-kuxjenza tiegħi hi kkaptivata għal Kelmet Alla.” Kalvinu wkoll wissa dwar il-periklu ta’ kburija bla ndiema: “Meta l-bnedmin jintnefħu bil-kburija, ma jissaportu ebda korrezzjoni. Hekk il-Papisti għalqu x-xatba għar-riforma, u għamlu l-kburija l-fortizza tagħhom” (Kummentarju fuq Ħosea 5:5).

Spurgeon żied osservazzjoni pastorali: “Il-kburi qatt ma jgħid, ‘Żbaljajt.’ Iżda l-grazzja tagħmilna sottomessi għat-tagħlim bibliku, u din hi lezzjoni li Ruma qatt ma tgħallmet.” L-Iskrittura tgħid illi l-Mulej jagħti grazzja lill-umli (Ġak.4:6). Għall-Protestanti, sal-lum il-ġurnata, it-traġedja kontinwata tar-Rumaniżmu hija l-istinazzjoni tiegħu: ma jridx imejjel rasu għal dal-prinċipju divin.

Mill-perspettiva Protestanta, ix-xilja ta’ kburija kontra l-Kattoliċeżmu Ruman mhijiex kundanna personali tal-Kattoliċi individwali, iżda ġudizzju teoloġiku fuq sistema li elevat il-bniedem fejn biss Alla jmissu jirrenja. Ir-Riformisti raw l-eżaltazzjoni ta’ Ruma mostra ta’ glorifikazzjoni tagħha nfisha, illi oskurat il-grazzja ħielsa t’Alla, mogħtija fl-għaqda ma’ Kristu Ibnu.

Għalina l-Protestanti, il-Kristjaneżmu veru jibda, ikompli u jintemm fl-umiltà. “Imberkin il-foqra f l-ispirtu, għax tagħhom hi saltnet is-smewwiet” (Mt.5:3). Kwalunkwe Kristjan ġenwin jistqarr dnubu umilment, jammetti l-iżbalji tiegħu, jirċievi grazzja b’umiltà, u jesprimi ubbidjenza umli lejn il-Kelma ispirata. Fejn jintebaħ illi twemminu ma jaqbilx mal-Bibbja, ifittex jikkoreġih. Meta l-Knisja tinsa dal-prinċipju fondamentali, u tibda titkabbar b’għerfha stess, bil-ġmiel, u l-poter, u l-għadd, u l-istorja twila tagħha, tkun waqfet milli tirrifletti fuq il-manswetudini u l-umiltà ta’ Sidha stess.

Għaldaqstant, ir-Riforma tibqa’ rilevanti u meħtieġa. Hi sejħa perpetwa għall-Knisja ta’ kull żmien u f’kull post: “il-glorja messha tingħata lil Alla waħdu.” Għax meta l-Mulej hu msebbaħ, il-kburija u l-arroganza nattiva fina jieħdu tisbita, u l-vanġelu jiddi fina u fuqna fis-sempliċità u l-profondità kollha tiegħu. U daqskemm il-Protestanti jinsew jew iwarrbu dal-prinċipju, daqshekk ieħor jehdew milli jservu ta’ melħ u dawl għall-bqija tal-Knisja.

Scroll to Top