It-Taqsimiet tat-Talb

  • L-Invokazzjoni. L-approwċ korrett biex nidħol fil-preżenza qaddisa t’Alla billi nirrikonoxxi l-kobor u l-maestà ta’ dak li lilu beħsiebni nindirizza. Niffoka fuqu l-ewwel u qabel kollox. Insejjaħ ’l Ismu u l-attributi tiegħu bl-akbar rispett. Niftakar fil-mgħodija lejh permezz tal-medjazzjoni ta’ Kristu u fl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.
  • L-Adorazzjoni. Inqim, infaħħar lil Alla ħaj u qaddis u neżaltah għall-attributi glorjużi tiegħu. Ikun immeraviljat bihom, nirrifletti fuq xi wħud minnhom u nħallihom jaffetwawni u jwassluni biex nadurah.
  • Ir-Ringrazzjament. Inrodd ħajr lil Alla, għall-Iskrittura Mqaddsa, għall-għotja t’Ibnu u tal-Ispirtu, għall-fidwa u aktar. Imbagħad nirringrazzjah ukoll għall-barkiet personali; kemm dawk spiritwali kif ukoll materjali. Nagħraf idejh u l-ħidma tiegħu fija, nirringrazzjah għat-tweġibiet għat-talb.
  • L-Affermazzjoni. Niddikjara xi wħud mid-dottrini u l-veritajiet dwar Alla u nistqarr it-twemmin tiegħi fihom. Pereżempju d-dottrina tas-siġurtà eterna: “Mulej, nemmen li jiena tiegħek, u xejn u ħadd qatt mhu se jifridni minn imħabbtek.’ Nimmedita ftit fuqhom u nħallihom jaffettwawni.
  • L-Indiema. Nistqarr bis-sinċerità dnubiet speċifiċi, dawk esterni u dawk tal-qalb (bħal għira, rabja u żena); dnubiet ta’ ommissjoni u kummissjoni. Nitolbu jħenn għalija, jaħfirli, inaddafni, iġeddidni u jqawwini sabiex ma nibqax nidneb iżjed.
  • Il-Petizzjoni. Nitlob għall-ħtiġijiet personali, speċjalment fl-oqsma li jiena dgħajjef fihom u għadni l-istess bla ma nista’ ninbidel. Nitolbu jbierek ukoll id-dmirijieti fid-dar, fuq il-post tax-xogħol, skola kif ukoll xi ministeru li ninsab impenjat fih.
  • L-Interċessjoni. Nitlob għal ħaddieħor (familja, qraba, knisja, kollegi, missjunarji, pajjiżi) u t-tixrid tal-evanġelju. Nitlob ukoll għalija nnifsi biex inkun parti mit-tweġiba għal talbi stess.
  • Id-Dedikazzjoni. Noffri lili nnifsi mill-ġdid lilu bi tweġiba grata għall-imħabba superba tiegħu lejja. Inċedilu qalbi, moħħi, ġismi, saħħti, l-enerġija, il-ħin u r-riżorsi tiegħi. Nikkommetti d-doveri u l-provi kollha lis-Sid Ġesù – illi jiġri x’jiġri, jinqeda bihom għall-glorja tiegħu u l-ġid tiegħi. Noffrilu mħabbti u nwigħedu li rrid nħobbu aktar minn kull ħaġa jew persuna oħra.

Scroll to Top