Auschwitz u s-Silenzju t’Alla

Matul l-Olokawstu sitt miljun Lhudi tneżżgħu mid-dinjità umana, ingħataw numru, sofrew ġuħ, għatx, swat, maltrattament, u kesħa tremenda. Kienu umiljati, imbiċċra, maħqura, u finalment maħruqa – agħar mill-bhejjem. Il-kampijiet ta’ konċentrament kienu fabbriki tal-mewt, u d-duħħan li tela’ miċ-ċmieni tagħhom jgħajjat bi protesta kontra s-sema.

Ebda riflessjoni Nisranija fuq dan l-avveniment makabru ma tista’ tagħti tifsira rħisa. Quddiem dal-massakru kiefer ta’ nies innoċenti jkollna nsikktu lsienna. Jekk nipprovaw nispjegawh bil-ħeffa nkunu qed nittradixxu lill-mejtin.

Frattant il-fidi Kristjana ma titlobniex indawru wiċċna, bħallikieku ma ġara xejn orribbli. Tgħallimna nħarsu – fit-tul u kkonċentrati – lejn il-ħażen, is-sofferenza, u l-mewt. Tirrediġilna l-vista tagħna finalment lejn il-Kalvarju, fejn l-innoċenti u l-pur, Bin Alla nnifsu, safa ċedut għall-krudiltà tal-waħx, inġustizzja, tgħajjir, u l-piena kapitali.

Waħda mill-mistoqsijiet tal-Olokawstu li tibqa’ tiffastidjana hija din: “F’ġieħ Alla, fejn hu Alla?” Wisq qabel ma nbena Auschwitz, is-salmista tniegħed u staqsa: “Għaliex taħbi wiċċek u tinsa l-afflizzjoni tagħna u l-oppressjoni tagħna?” (Salm 44:24).

Fuq il-Golgota, mhux biss saret il-mistoqsija qalila, iżda ġiet mgħejxa. Il-Ħaruf t’Alla ma spjegax it-tbatija filwaqt li żamm id-distanza tiegħu. Daħal fit-tbatija; ħassha. Kien arrestat mill-istat, ikkundannat mill-mexxejja reliġjużi, iżżuffjettat mill-folol, u sstentenzjat għall-mewt minn gvernatur li ried isalva ġildu. Kien imneżża’, espost, u ridott għal oġġett ta’ stmerrija. Isaija jgħidilna illi “kien oppressat, u afflitt, u frattant ma fetaħx fommu; kien bħal ħaruf qed jittieħed għall-biċċerija” (53:7). Ġesù jaf x’jiġifieri tkun mibgħud u trattat bħala inqas minn uman. Quddiem is-silenzju t’Alla, il-Ħaruf baqa’ silenzjuż.

L-Olokawstu, u wisq iżjed il-Kalvarju, juruna f’liema ħama kapaċi jegħrqu bnedmin bħalna li ċaħdu lil Alla, u nsew li kull bniedem kwalunkwe hu xbieha t’Alla. Is-salib kixef id-dnub tagħna daqskemm ukoll hu s-soluzzjoni għad-dnub tagħna. L-Olokawstu ma ġab ebda fidwa; kien biss ħażen spjetat. Il-Kalvarju jassigurana illi hemm fidwa mid-dnub u l-inġustizzja u t-tbatija li ġab miegħu dnubna.

L-Olokawstu jisforzana biex niġu wiċċ imb wiċċ mal-ġudizzju. Alla mhux se jegħmeż il-ħażen. L-irmied tal-vittmi ta’ Auschwitz jgħajjat illi l-istorja hi sinifikanti, u l-ġustizzja mhix se tibqa’ rieqda għal dejjem. Iżda l-Kalvarju jgħidilna kif il-Ħaruf ġarr il-ġudizzju li jistħoqqilhom il-midinbin – bħalma kienu n-Nazisti u aħna lkoll. “Ċertament hu – Ġesù – refa’ l-għali tagħna u ġarr u d-diqa tagħna” (Isa.53:4). Fuq is-salib, il-Mulej ma spjegalniex is-sofferenza, iżda ġarrabha hu nnifsu, u assorbieha f’ġismu u f’ruħu, biex ninħelsu mill-kastig dovut lilna.

Din hi t-tama tagħna, id-dixxipli tal-Ħaruf: illi Alla hu preżenti fis-sofferenzi, Alla għad jiġġudika l-ħażen, u Alla għad iqajjem il-mejtin. Il-Ħaruf irxoxtat iwiegħed illi l-kampijiet tal-konċentrament mhumiex it-tmiem tal-istorja.

L-Olokawstu jwissina x’jiġri meta l-verità t’Alla hi mparta ma’ ideoloġija falza, x’jiġri meta l-proxxmu nistmawh bħala oġġett, u x’jiġri meta l-kuxjenza hi msikkta. Il-Kalvarju jsejħilna mod ieħor: jeqred il-kburija tagħna u jumiljana, joffri mħabba flok mibegħda, u fedeltà flok it-twerwir.

“O Ħaruf t’Alla, li taf it-toqol tal-kefrija umana, għallimna niftakru bla ma naħżnu l-morr fi qlubna, għallimna nitbekkew bla ma niddispraw, u nittamaw bla ma niċħdu r-realtà. Tħalliniex insiru indifferenti, saħħaħ fina mogħdrija lejn il-proxxmu. Żommna qrib is-salib, fejn il-ġustizzja u l-ħniena divina jbusu ’l xulxin. Ammen.”

Scroll to Top